Tribunal Reġjonali Tat-Tieni Stanza

Vigarju Ġudizzjali

Monsinjur Joseph Bajada twieled fit-28 ta’ Lulju 1950 fl-Imsida u ġie mgħammed fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp. Irċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tal-Gvern tal-Pietà u dik sekondarja fil-Liċeo, il-Ħamrun. Fl-1970 daħal is-Seminarju tal-Arċisqof, Floriana fejn studja Filosofija u Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Fl-1975 kiseb Baċċellerat fit-Teoloġija u fl-1977 kiseb Masters fit-Teoloġija. Bħala parti mill-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju, Mons. Bajada għamel esperjenza jaħdem fit-Tarzna. Ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Ġunju 1977 minn Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Wara l-Ordinazzjoni beda l-istudju tiegħu fil-Liġi Kanonika fl-Università Pontifiċja Gregorjana, f’Ruma. 

Fl-1979, kiseb Liċenzjat fil-Liġi Kanonika (J.C.L.) u fl-1980 kiseb l-iSpeċjalizzazzjoni fil-Ġurisprudenza Kanonika mill-istess Università. Fl-1987, kiseb Dottorat fil-Liġi Kanonika bl-iSpeċjalizzazzjoni fil-Ġurisprudenza Kanonika J.C.D. (Spec. In. Iuris) Summa cum Laude bit-Teżi: Sexual Impotence, The Contribution of Paolo Zacchia (1584-1659) li ġiet stampata fl-Analecta Gregoriana, 252, Pontificia Università Gregoriana, Rome, 1988.

Mill-1981 sal-1987 ħadem bħala Difensur taż-Żwieġ fit-Tribunal Metropolitan tal-Prima Stanza u bejn 1987-2001 serva bħala Mħallef fl-istess Tribunal. Mill-2001 sallum, Mons Bajada jservi bħala l-Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Stanza li hu t-tribunal tal-appell għad-djoċesijiet ta’ Malta, Għawdex, u Ġibiltà.

Fis-6 t’April 1993 ġie maħtur Cap.S.S. (Cappellano di Sua Santità).

Fl-1992 Mons. Bajada waqqaf u mexxa sal-2008, il-kors li jwassal għal Diploma in Matrimonial Canon Law and Jurisprudence taħt l-awspiċi tal-Konferenza Episkopali Maltija. Fl-2009, dan il-kors ġie żvilippat f’Master of Arts in Matrimonial Canon Law and Jurisprudence fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Bħalissa, Mons. Bajada hu l-Kordinatur ta’ dan il-kors.

Mill-1983 sal-2015, Mons. Bajada serva bħala Lecturer u Senior Lecturer fil-Liġi Kanonika fid-Dipartiment tat-Teoloġija Pastorali, Liturġija u Liġi Kanonika fil-Fakultà tat-Teoloġija u fil-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta. Matul dan iż-żmien serva ta’ Tutor fuq diversi teżijiet fiż-żewġ fakultajiet.

Mill-1990 sal-2006, Mons. Bajada kien l-Editur tar-rivista FORUM A Review of Canon Law and Jurisprudence tat-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Malta.

Mill-2006 – 2015 Mons. Bajada serva wkoll fuq ir-Response Team for the Investigation of Sexual Abuses tal-Konferenza Episkopali Maltija.

Mons. Bajada serva bħala Segretarju tal-Kummissjoni Paritetika bejn il-Knisja u l-Istat li waslet għall-ftehim bejn is-Santa Sede u l-Repubblika ta’ Malta dwar il-Marriage Act fit-3 ta’ Frar 1983.

F’Jannar 2016, Mons. Bajada nħatar membru tal-Kapitlu Metropolitan. Huwa wkoll membru tal-Canon Law Society of Great Britain and Ireland.

Wara l-Ordinazzjoni, Mons Bajada serva għal xi xhur fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Gżira u mill-1982 jservi fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni, fil-Ħamrun.

Vigarju Ġudizzjali Aġġunt

Monsinjur Angelo Grech twieled fid‑9 ta’ Lulju 1945. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja għand is‑sorijiet Agostinjani u l‑Iskola tal‑Gvern fil‑Mosta, u l‑edukazzjoni sekondarja fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fl‑1961 daħal is‑Seminarju Maġġuri fejn studja l‑letteratura, il‑Filosofija u t‑Teoloġija.

Mons. Grech ġie ordnat saċerdot fit‑22 ta’ Marzu 1969. Beda il‑ħidma pastorali tiegħu bħala viċi kappillan fil‑Mellieħa. Fl‑1975 inħatar bħala l‑ewwel kappillan tal‑Manikata u kompla l‑istudji tiegħu fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fejn fl‑1983 kiseb Diploma fit‑Teoloġija Pastorali. Fl‑1980 gie maħtur Kappillan tal‑Parroċċa tal‑Imġarr. Fl‑1992 beda jservi fit‑Tribunal bħala Attwarju imbagħad bħala Deputat Difensur taż‑Żwieg, fl‑istess waqt kiseb Diploma fid‑Dritt Matrimonjali. Bejn l‑1995 u 1997 studja l‑Università Pontifiċja tal‑Lateran u kiseb Liċenzjat fil‑Liġi Kanonika.

Wara li temm l‑istudji tiegħu f’Ruma ġie maħtur Imħallef fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta (l‑Ewwel Stanza) fejn serva sal‑2011, meta nħatar Imħallef fit‑Tribunal Reġjonali tat‑Tieni Stanza. Huwa jservi wkoll fil‑Parroċċa ddedikata lit‑Tlugħ fis‑Sema tal‑Verġni Marija, il‑Mosta.