Nhar il-Ħadd 4 ta’ Diċembru 2011, l-Arċidjoċesi ta’ Malta ser tiċċelebra għall-ewwel darba ‘Jum is-Saċerdot’ bis-suġġett ‘Jiena magħkom dejjem’ (Mt 16:20). L-għan ewlieni ta’ dan il-jum hu li jinħoloq għarfien dwar il-ħajja u l-ħidma tas-saċerdot fil-Knisja u fis-soċjetà għall-ġid tal-bniedem. Għalhekk, dakinhar fil-Quddies kollu ser isir talb speċjali għas-saċerdot.

Il-ħidma tas-saċerdot hi spiritwali u materjali. F’isem Sidna Ġesù Kristu u fuq l-eżempju tiegħu, s-saċerdot ifittex il-ġid tal-bniedem kollu u l-ġid tal-bnedmin kollha. Is-saċerdot huwa strument f’idejn Alla biex permezz tiegħu jagħmel il-ġid lill-uliedu. F’din il-ħidma tiegħu, is-saċerdot iressaq lill-bnedmin lejn Alla għax jemmen li l-aqwa ġid li jista’ jkollu l-bniedem jiġi minn Alla.

Is-saċerdot djoċesan bl-ordinazzjoni tiegħu jikkommetti ruħu li jaħdem prinċipalment fid-djoċesi, skond ir-rieda tal-isqof tiegħu. Dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali huwa jwiegħed rispett u ubbidjenza lill-isqof tad-djoċesi u lis-suċċessuri tiegħu. Is-saċerdoti reliġjużi huma membri ta’ xi wieħed mill-ordnijiet jew kongregazzjonijiet reliġjużi fi ħdan il-Knisja. Saċerdot reliġjuż iwiegħed l-ubbidjenza lis-superjuri tiegħu u billi l-ordnijiet reliġjużi ikunu preżenti f’aktar minn djoċesi waħda, huwa jista’ jiġi mitlub mis-superjuri tiegħu li jaħdem kull fejn ikun meħtieġ.

F’Malta bħalissa hawn 638 saċerdot, li minnhom 296 huma djoċesani u 342 huma reliġjużi. Minbarra s-saċerdoti li hawn Malta, 22 saċerdot djoċesan ieħor jaħdmu barra minn Malta, jew Ruma fis-servizz tas-Santa Sede, jew fl-artijiet tal-missjoni kif inhu l-każ tal-biċċa l-kbira ta’ dawn is-saċerdoti u ta’ ħafna oħrajn reliġjużi. Minn total ta’ 70 parroċċa fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, 54 jitmexxew minn saċerdoti djoċesani filwaqt li 16 jitmexxew minn saċerdoti reliġjużi.

Bil-għan li jixxandar il-messaġġ ta’ għarfien dwar is-saċerdot, is-Segretarjat għall-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali ħejja għall-istazzjonijiet televiżivi spot ta’ 30 sekonda dwar waħda mill-aspetti tal-ħidma tas-saċerdot b’risq il-bniedem. Dan juri saċerdot żgħażugħ qiegħed iżur anzjan id-dar, mdawwar mill-familja tiegħu, u jwassallu s-sagramenti tal-qrar u tal-Ewkaristija. Dan l-ispot juri wkoll l-apprezzament tal-familja kollha għall-ħidma tas-saċerdot. Dan l-ispot jinsab ukoll fuq il-YouTube Channel www.youtube.com/knisjamalta.

Il-messaġġ dwar is-saċerdot huwa l-ewwel wieħed minn serje ta’ spots li qed iħejji s-Segretarjat bit-tema ‘Għix il-Fidi’ u li ser jibdew jintwerew fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali kollha: Calypso, Education 22, Favourite, Net, One, Smash, Tvm. Is-Segretarjat jixtieq jirringrazzjhom tal-kollaborazzjoni tagħhom.