Ir-Regolamenti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena 2012 ġew ippublikati fuq il-website tal-Kurja fis-sezzjoni Church Schools Entry.

L-applikazzjonijiet ser isiru f’diversi skejjel tal-Knisja bejn Jannar u Frar. Min ser japplika għandu jieħu miegħu d-dokumenti meħtieġa u l-applikazzjoni timtela dakinhar stess.  B’hekk l-applikanti ma jkollhomx għalfejn jinqalgħu darbtejn. Lista tad-dokumenti meħtieġa hija mniżżla fir-Regolamenti. Dawk li ser japplikaw bħala każijiet umanitarji gravi għandhom isegwu l-istruzzjonijiet imniżżla fir-Regolamenti tal-każijiet umanitarji gravi.

Is-subien li s-sena l-oħra applikaw għad-dħul fl-ewwel sena kindergarten bħala Applikanti Oħra m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw din is-sena. Dan qed isir għaliex is-sena l-oħra ma setgħetx issir il-polza tal-għażla fl-ewwel sena kindergarten u għaldaqstant l-applikazzjoni tagħhom ser tibqa’ valida għad-dħul fit-tieni sena kindergarten.  Però hija responsabbiltà tal-ġenituri li jiċċekkjaw li l-isem tat-tifel jidher fuq il-lista li ser tiġi ppublikata f’din il-websajt.

Għat-tieni sena konsekuttiva, u bħala parti minn proċess ta’ tliet snin, ser isir dħul ta’ studenti subien fir-raba’ sena primarja, fid-De La Salle College il-Birgu, fis-St. Paul’s Missionary College u fis-Seminarju r-Rabat. Il-Kulleġġ ta’ Santu Wistin ser jipposponi id-dħul fil-primarja l-ġdida peress li għadu ma ħariġtx il-permess tal-MEPA.

It-total ta’ postijiet vakanti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja fis-sena skolastika 2012-2013 huwa  ta’ 1792.  Dawn jitqassmu kull sena tad-dħul kif ġej:

SENA

POSTIJIET VAKANTI

SUBIEN

POSTIJIET VAKANTI

BNIET

L-ewwel sena kindergarten 97 129
It-tieni sena kindergarten 105 276
L-ewwel sena primarja 355 231
Ir-raba’ sena primarja 145
L-ewwel sena sekondarja 422 32

TOTAL

1124 668

Aktar ‘il quddiem ser jiġu ppublikati Proċeduri dwar il-ksur ta’ dawn ir-Regolamenti. Dħul ta’ tfal f’xi skola tal-Knisja bi ksur tar-Regolamenti jista’ jwassal għall-esklużjoni mill-iskola ta’ dawk involuti.

L-applikazzjonijiet skont l-ewwel kriterju, tfal minn djar tal-Knisja, aħwa, impjegati, transfers, u skola bla kontinwità ser isiru fid-9, 10, 16, u 17 ta’ Jannar f’St Elias Santa Venera u s-Seminarju r-Rabat.

Fir-rigward ta’ każijiet umanitarji gravi ta’ tfal minn djar tal-Knisja, aħwa, impjegati, transfers, u skola bla kontinwità, wieħed għandu jċempel għal appuntament fid-9, 10, u 11 ta’ Jannar lis-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija fuq 27 790077.

Fir-rigward ta’ każijiet umanitarji gravi ta’ applikanti oħra, wieħed għandu jċempel lis-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija fuq 27 790077 fid-30, 31 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar.

L-applikazzjonijiet skont it-tielet kriterju applikanti oħra, għal dħul fl-ewwel sena kindergarten ser isiru fis-16, 17, 23, u 24 ta’ Frar f’St Angela Msida u Żabbar, St Augustine College Pietà, St Francis Msida, u Theresa Nuzzo Ħamrun.

L-applikazzjonijiet skont it-tielet kriterju applikanti oħra, għal dħul fit-tieni sena kindergarten ser isiru fit-23, 24, 30, u 31 ta’ Jannar f’ St Angela Msida u Żabbar, St Augustine College Pietà, St Joseph Blata l-Bajda, Stella Maris/St Aloysius Jr  Balzan, u Theresa Nuzzo, Ħamrun.

L-applikazzjonijiet skont it-tielet kriterju applikanti oħra, għal dħul fl-ewwel sena primarja ser isiru fis-26, 27 ta’ Jannar u 2, 3 ta’ Frar fid-De La Salle College il-Birgu, il-Kulleġġ Missjunarju San Pawl ir-Rabat, St Albert Valletta, St Elias Santa Venera, St Michael Santa Venera, u Stella Maris/St Aloysius Jr Balzan.

L-applikazzjonijiet skont it-tielet kriterju applikanti oħra, għal dħul fir-raba’ sena primarja ser isiru fis-6, 7, 13, u 14 ta’ Frar fil-Kulleġġ Missjunarju San Pawl ir-Rabat, St Albert Valletta, u St Michael Santa Venera.

L-applikazzjonijiet skont it-tielet kriterju applikanti oħra, għal dħul fl-ewwel sena sekondarja ser isiru fit-8, 9, 16, u 17 ta’ Frar fil-Kulleġġ Missjunarju San Pawl ir-Rabat, St Albert Valletta, St Aloysius College B’Kara, u St Michael Santa Venera.

Aktar dettalji jinkisbu fir-Regolamenti li jinsabu fis-sezzjoni Church Schools Entry.