Matul iż-żewġ kampanji organiżżati minn Radju RTK fi żmien il-Milied u nhar l-ewwel tas-sena, inġabru 566,000 Ewro.  Il-flus li nġabru, tqassmu lil ħames entitajiet differenti li huma: id-Dar tal-Providenza, l-Uffiċju Ċentrali Djar tat-Tfal ‘Ejjew Għandi’, it-Taqsima Refuġjati, id-Dar tal-Kleru u l-Familji fil-Bżonn mid-Djoċesi t’Għawdex. Il-preżentazzjoni tal-fondi saret mill-Arcisqof Pawlu Cremona OP, il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru 2009.

L-ewwel kampanja kienet RTK – Familji fil-Bzonn u li minnha inġabru 45,400 Ewro, mis-semmiegħa ta’ Radju RTK bejn it-30 ta’ Novembru u l-21 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet.  Ma’ Radju RTK, ingħaqdu l-istudenti tal-Fakulta’ tat-Teologija fl-Universita’ ta’ Malta permezz ta’ attivita’ li kienet ġiet organizzata fuq il-Campus tal-Universita’ u li minnha inġabret is-somma 4,500 Ewro. Minn din il-kampanja ser jibbenefikaw 4 entitajiet; l-Uffiċju Ċentrali Djar tat-Tfal ‘Ejjew Għandi’, it-Taqsima Refuġjati, id-Dar tal-Kleru u l-Familji fil-Bżonn mid-Djoċesi t’Għawdex fuq talba li għamel l-Isqof Monsinjur Mario Grech.

Mit-tieni kampanja, li saret fl-1 ta’ Jannar 2009 waqt Open Day li saret b’risq id-Dar tal-Providenza nġabret is-somma ta’ 520,000 Ewro.

L-Arċisqof Pawlu Cremona qal li dawn il-kampanji ta’ ġbir ta’ fondi ġabu flimkien żewġ realtajiet.  Spjega li l-ewwel realta’ hija Radju RTK innifsu, li qed iwassal valuri mportanti lis-soċjeta, filwaqt li t-tieni realta’ hi li dawn l-inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi qed jipprovdu spazju fis-soċjeta ghal min irid jagħti sehmu permezz tal-volontarjat. L-Arċisqof tkellem ukoll dwar kif numru ta’ organizazzjonijiet, fosthom dawk li bbenefikaw mill-ġbir ta’ fondi, ma bdewx bħala entitajiet tal-Knisja iżda bħala individwi li kellhom tama kbira fil-providenza t’Alla li tasal għand min hu fil-bżonn permezz tal-bniedem.

Il-Kap Ezekuttiv ta’ l-RTK, Michael Francalanza, spjega li bejn l-1994 u l-2008, matul il-Kampanji ‘Familji fil-Bżonn’ inġabret is-somma ta’ 725,000 Ewro filwaqt li għad-Dar tal-Providenza, li bdiet lura fl-1996, nġabru kwazi 3 miljun Ewro.  Il-Kap tal-Programmi ta’ RTK, Tonio Bonello, qal li minn barra li qed jingħataw il-flus f’dawn il-kampanji, qed titqajjem kuxjenza dwar il-volontarjat.  Hu irringrazzja lil dawk kollha li jagħtu s-sehem tagħhom barra l-ħin tax-xogħol tagħhom.

Ritratti: Photocity, Valletta. Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar.