Wara is-suċċess tal-Konkors Kanzunetta Uffiċjali Jum iż-Żgħażagħ 2009 li sar f’April li għadda bil-parteċipazzjoni ta’ xejn inqas minn għaxar bands lokali, il-Kummissjoni Djoċesani Żgħażagħ (KDZ) tixtieq tinforma lil-Christian Bands li l-ħames edizzjoni ta’ dan il-Konkors se jsir nhar is-Sibt 27 ta’ Frar 2010 fit-Teatru Sależjan, tas-Sliema.  Din l-edizzjoni tal-Konkors hi t-tieni waħda minn ċiklu ta’ tliet snin li jwassalna għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2011, li se jiġi ċċelebrat f’Madrid, Spanja.  It-tema li ppropona il-Papa Benedettu XVI għas-sena 2010 hija “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mk 10,17).  Minn dan il-Konkors ser tintagħżel il-Kanzunetta Uffiċjali għall-mixja li ż-żgħażagħ f’Malta ser ikunu qed jagħmlu matul is-sena 2010.

L-iskop tal-Konkors, iżda, m’huwiex sempliċiment għażla ta’ kanzunetta uffiċjali. Aktar minn hekk, il-Konkors irid iservi lil kull band biex tingħaqad flimkien u tesprimi s-sinjifikat tat-tema proposta bil-mod partikolari tagħha. Permezz ta’ din l-attivita`, il-bands huma mistednin biex jidħlu f’esperjenza unika fejn, flimkien ma’ bands oħra, jkomplu jagħtu ħajja lill-Kelma t’Alla fi żmienna. Il-Konkors huwa opportunitá għall-bands biex huma iħallu impatt fuq il-ħajja ta’ żgħażagħ oħrajn.

Il-kanzunetti li se jiġu sottomessi sa nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar, 2010, ser jiġu evalwati minn Quality Team indipendenti li jevalwa kull kanzunetta biex jassigura li dawk li jipparteċipaw fil-Konkors ikunu verament jirriflettu l-messaġġ ta’ l-Iskrittura b’mod żagħżugħ kif ukoll ikunu ta’ livell li jixraq għal dan il-Konkors.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Konkors tistgħu iżżuru is-sit elettroniku www.awakeningasaph.org jew tibagħtu l-email tagħkom fuq [email protected]Agħfas hawn biex tiniżżel il-formola ta’ l-applikazzjoni għall-Konkors Kanzunetta Uffiċjali Jum iż-Żgħażagħ 2010.