Verżjoni bil-Malti



Għeżież ħutna,

Waħda mill-kwalitajiet sbieħ li għandu l-bniedem hija l-kapaċità li jisma’.  M’humiex ftit dawk fostna li jixxenqu biex jisimgħu kelma bis-sens li jistgħu joqogħdu fuqha.  Fl-istess ħin, illum il-bniedem hu ttentat jagħlaq widnejh għax għejja jisma’ kliem li għandu ħoss ħelu imma vojt.  Il-kliem sar wisq irħis, tant li sar faċli nilagħbu bih.  F’ċertu sens, illum il-bniedem qed jagħżel li jkun trux!

Il-missjoni tal-Knisja

F’dan il-kuntest storiku naraw tilma l-missjoni tal-Knisja li xxandar lil Kristu – “il-Kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox” (1Tim 4:9).  Fi kliem ieħor, naraw is-siwi u l-urġenza ta’ evanġelizzazzjoni ġdida.

Tiġina f’moħħna l-ġrajja meta ġabu quddiem Ġesù wieħed trux u mbikkem.  Ġesù refa’ għajnejh lejn is-sema, lissen “kelma”, u dak infetħulu widnejh u “qabad jitkellem sewwa”[1].  Dan l-istess servizz tista’ u għandha toffrih il-Knisja lis-soċjetà tagħ na, li propju għax “ittarrxet”, qed issib diffikultà biex “titkellem sewwa” fuq suġġetti importanti ħafna bħalma huma Alla nnifsu, il-ħajja umana, il-familja, id-dinja tax-xogħol, l-ekonomija u x-xjenza. Għandna bżonn niksbu l-ħila li biha nikkomunikaw ma’ xulxin biex inkunu tassew familja waħda, fejn hemm interess ġenwin fil-ġid komuni.  Għandna bżonn insibu dak il-kliem li, għax jolqot fil-laħam il-ħaj, jibni lill-persuna.  Neħtieġu kelma li ċċarrat il-maskra tal-ipokresija, biex nibnu relazzjonijiet aktar ġenwini u ġusti.  Neħtieġu kliem li jfejjaq.  Ikun verament akkwist jekk insibu dak il-kliem li kapaċi jdewwaq il-benna tal-irġulija!  Fuq kollox, illum lill-bniedem tonqsu dik il-kelma li timlieh bil-kuraġġ biex jikser is-silenzju u jbexxaq aktar fommu, kemm fil-pjazza u kemm fuq iz-zuntier, biex iċaqlaq l-ilma qiegħed kemm fil-qasam soċjali u kemm f’dak reliġjuż!

Il-Kelma li ssalva

Qabel ma lissen il-kelma li biha fetaħ widnejn dan ir-raġel u hekk għenu jitkellem sewwa, Ġesù “refa’ għajnejh lejn is-sema” biex jurina li dik li tagħti s-smigħ lit-torox u l-kelma lill-imbikkmin hija l-Kelma li tinżel mis-Sema.  Din il-“Kelma” hija Ġesù nnifsu: “il-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14).  Dan huwa l-Vanġelu: mhux ktieb li jiġbor fih rakkonti sbieħ tal-imgħoddi, imma wieħed mill-modi kif Kristu Rxoxt jagħmel lilu nnifsu preżenti fl-istorja tagħna llum!  Il-Vanġelu huwa konferma li Alla ma baqax sieket u indifferenti quddiem l-istorja, imma tkellem billi tana lil Ibnu.  Din hija l-Kelma li ssalva.[2]

Fil-ftuħ tal-aħħar Sinodu tal-Isqfijiet il-Papa Benedittu XVI saħaq li “l-għan ta’ din l-evanġelizzazzjoni huwa li ngħinu lill-bniedem jiltaqa’ mal-Mulej li waħdu jista’ jimla lill-eżistenza tagħna b’tifsira profonda u ta’ paċi; biex ngħinu lill-bniedem isib mill-ġdid il-fidi, għajn ta’ grazzja li ġġib il-ferħ u t-tama fil-ħajja personali, familjari u soċjali”.[3] U fil-Messaġġ Finali ta’ dan is-Sinodu, naqraw li “il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni ġdida tikkonsisti filli nipproponu mill-ġdid lill-qalb u lill-moħħ, spiss aljenati u mħawda, tal-bnedmin ta’ żmienna, jiġifieri l-ewwel nett lilna nfusna, il-ġmiel u l-ġdid li hemm fil-laqgħa ma’ Kristu.  Nistednukom ilkoll tikkontemplaw il-wiċċ ta’ Sidna Ġesù Kristu”.[4] F’dan l-appell għandna s-sustanza tal-ħidma pastorali tagħna bħala Knisja!  Ħażin għalina jekk ma nxandrux lil Kristu[5]!

L-aktar ħidma importanti

Ħdejn din il-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni, kull ħidma oħra li ssir mill-Knisja u fil-Knisja hija ħuxlief u tiben.  Tant huwa urġenti li l-Kelma ta’ Alla tasal fil-qalb tal-bniedem, li nappellaw kemm lill-individwi u kemm lill-komunitajiet ekkleżjali biex niflu ftit jekk l-evanġelizzazzjoni kif imfissra aktar ’il fuq hijiex prijorità fil-ħidma tagħna, u jkollna l-kuraġġ biex fl-analiżi tal-ħidmiet pastorali npoġġu fl-ewwel post dak li għandu jiġi l-ewwel.

Din il-Kelma tinsab fil-Bibbja u aħna l-Isqfijiet napprezzaw li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar gruppi qed jiltaqgħu madwar il-Kelma.  Imma l-Knisja temmen ukoll li anki fid-dinja ta’ madwarna hemm iż-“żerriegħa tal-Verb”, jiġifieri sinjali tal-preżenza ta’ Kristu. Għalhekk jekk irridu nwasslu l-Bxara t-Tajba, ma nistgħux ma niftħux widnejna wkoll għal dak li qed tgħid id-dinja.  Id-djalogu mas-soċjetà huwa qligħ u mhux telf, għax hemm naqraw ukoll x’qed jikteb Alla fil-ktieb tal-istorja tad-dinja!  Aspett importanti f’dan l-eżerċizzju huwa d-djalogu bejn il-fidi u l-kultura.  Is-Sinodu jgħidilna li “l-evanġelizzazzjoni l-ġdida għandha bżonn li jkun hemm patt ġdid bejn il-fidi u r-raġuni, konvinti li l-fidi għandha r-riżorsi propji tagħha biex tilqa’ kull frott tar-raġuni meta din hi miftuħa għal Alla”.[6] Ġesù fejjaq lir-raġel trux u mbikkem fl-inħawi pagani tad-Dekapoli[7] fejn kien hemm taħlita ta’ kulturi, reliġjonijiet u filosofiji. Dan il-kuntest jixbah lis-soċjetà tagħna llum.  Flok ma ħarab minn din ir-realtà, Ġesù nqeda b’din l-okkażjoni biex jiftaħ djalogu magħha!

Il-Knisja quddiem il-karba tal-bniedem

Il-Knisja hi konvinta wkoll li trid tiftaħ widnejha beraħ għall-karba tal-bniedem imgħobbi bis-salib.  Bħal Kristu li tniehed quddiem ir-raġel trux b’sinjal ta’ protesta kontra l-Ħażin li wera saħħtu fit-truxija u t-tbikkim tar-raġel, il-Knisja “titniehed tnehida” (Mk 7:34) meta tilmaħ il-bniedem miġruħ, sew jekk din il-ġerħa hija fiżika, morali jew spiritwali.  Din it-tnehida tixhed li l-Knisja lesta li ssawwab il-balzmu li jfejjaq il-ġerħat, l-aktar billi xxandar il-Vanġelu li “kapaċi jfejjaq kull dgħufija fil-bniedem”.[8] Il-Knisja ma tistax tingħalaq fl-ambjent komdu u mħares tas-sagristiji, imma trid tfittex li timita s-Samaritan it-tajjeb li jgħaddi minn kull triq, anki l-aktar waħda mwarrba u perikoluża, fejn tiltaqa’ ma’ Kristu preżenti fil-bniedem ferut u mitluq.  Din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida titlob ukoll li l-Knisja mhux biss tixxotta d-dmugħ minn għajnejn l-umanità, imma tagħmel minn kollox biex ma tħallix demgħat ġodda jixirfu fuq ħaddejn l-umanità.  Dan ifakkarna fl-appell li jaslilna mis-Sinodu: li “hemm bżonn niskopru spazji ġodda fejn niltaqgħu ma’ Kristu, atteġġjamenti tassew evanġeliċi, li għandhom għeruqhom fl-esperjenzi l-aktar profondi tal-ħajja tal-bniedem, bħalma huma l-familja, ix-xogħol, il-ħbiberija, il-faqar u l-provi tal-ħajja, u l-bqija”.[9]

Ix-xewqa li nikkonvertu

Imma biex tkun tista’ tevanġelizza tassew, jeħtieġ li l-Knisja toqgħod hi l-ewwel f’riġlejn il-Mulej tisma’ l-Kelma tiegħu.  Għaliex jekk l-Insara, partikularment dawk ta’ quddiem nett, huma torox għall-Kelma, kif jistgħu jwasslu l-Kelma? Knisja spiritwalment għajjiena ma tistax tippretendi li tkun ta’ stimolu spiritwali għas-soċjetà!  Ikun hemm evanġelizzazzjoni ġdida jekk il-Knisja tiġġedded minn ġewwa, fil-membri u fl-istrutturi tagħha.  Dan it-tiġdid iseħħ jekk widnejna jinfetħu għall-Kelma li għandha qawwa toħloqna mill-ġdid. Għalhekk “inħossu tabilħaqq li qabelxejn għandna nikkonvertu aħna stess u ninħakmu minn Kristu li waħdu kapaċi jġedded kollox … Nafu li jeħtieġ nagħrfu bl-umiltà kollha d-dgħufija tagħna quddiem il-ġrieħi tal-istorja u ma nibqgħux lura milli nagħrfu d-dnubiet personali tagħna”.[10] Aktar ma dan il-proċess ta’ konverżjoni jkabbarna fix-xebh ma’ Kristu, aktar il-kelma tagħna titwemmen.

Nilqgħu lil Kristu li ġej

Iż-żmien tal-Avvent huwa tħejjija biex fil-Milied niċċelebraw il-misteru tal-Kelma li saret laħam u għammret fostna[11], hekk li aħna stajna mmissuha b’idejna[12].  Filwaqt li nħeġġu lill-Knisja f’pajjiżna biex f’dan iż-żmien partikulari tilqa’ lil Kristu b’attitudni mġedda, bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Kelma, nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jieqaf magħna biex ma nibżgħux nilqgħu l-isfida tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida, li għandha l-qawwa li tagħti s-smigħ lit-torox u l-kelma lill-imbikkmin.

Nafdawkom f’idejn Alla u l-Kelma tal-grazzja tiegħu li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu![13].

Nibagħtu fuqkom il-Barka Appostolika tagħna.

✠ PAWLU CREMONA O.P.                                                    ✠ MARIO GRECH

Arċisqof ta’ Malta                                                                                    Isqof ta’ Għawdex


[1] ara Mk 7:31-37.

[2] ara Atti 4:12

[3] Omelija fil-Quddiesa tal-Inawgurazzjoni tat-XIII-il Assemblea Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Belt tal-Vatikan, 7 ta’ Ottubru 2012.

[4] Messaġġ lill-Poplu ta’ Alla mit-XIII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Belt tal-Vatikan, 26 ta’ Ottubru 2012, par. 3.

[5] ara 1Kor 9:16

[6] Messaġġ lill-Poplu ta’ Alla mit-XIII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, par. 10.

[7] Ara Mk 7:31.

[8] Messaġġ lill-Poplu ta’ Alla mit-XIII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, par. 6.

[9] Ibid, par. 5.

[10] Ibid.

[11] ara Ġw. 1:14

[12] ara 1Ġw 1:1

[13] ara Atti, 20:32