Delegazzjoni Maltija li kienet tinkludi fost oħrajn żewġ persuni nieqsa mis-smigħ, żewġ lecturers mill-Università ta’ Malta, interpreta tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija kif ukoll tlett saċerdoti attendew għall-XXIV Konferenza Internazzjonali organizatta mill-Kunsill Pontifiċju għall-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.  Din il-Konferenza, li nżammet fis-sala l-ġdida tas-Sinodi fil-Vatikan bejn id-19 u l-21 ta’ Novembru 2009 ittrattat it-tema: ‘Ephphatha! Il-Persuni Nieqsa mis-Smigħ fil-Ħajja tal-Knisja’.

L-għan ta’ din il-konferenza kien li jagħti opportunità lill-Knisja biex tenfasizza l-kontribut li jagħtu l-persuni nieqsa mis-smigħ f’diversi oqsam ta’ l-appostolat  kif ukoll biex tirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma taghom.

L-interventi waqt il-konferenza indirizzaw principalment ir-realtajiet soċjoloġiċi, psikoloġiċi, mediċi, familjari u pastorali tal-persuni nieqsa mis-smigħ.  L-aspetti li ttrattaw il-kelliema kienu sostnuti b’esperjenzi interessanti kemm mill-persuni nieqsa mis-smigħ u l-familjari tagħhom kif ukoll mid-djalogu mal-partiċipanti tal-konferenza.  Fost il-kelliema kien hemm Fr. Cyril Axelrod, saċerdot nieqes mis-smigħ li hu ukoll għama. Fr Cyril illu ħafna snin attiv fil-pastorali tal-persuni nieqsa mis-smigħ f’diversi postijiet fid-dinja.

L-Arċisqof Zygmunt Zimowski, President tal-Kunsill Pontifiċju qal li fid-dinja hawn aktar minn 278 miljun persuna nieqsa mis-smigħ, li mill-anqas miljun u tlett kwarti minnhom huma Kattoliċi. L-Arċisqof sostna li “dan in-numru hu kbir u l-Knisja trid taġixxi. Mingġajr saċerdoti, operaturi pastorali ippreparati u interpreti tal-lingwa tas-sinjali mħarġa tajjeb, il-Knisja tkun qed tagħmilha diffiċli jekk mhux impossibli li l-membri tagħha li huma niesqa mis-smigħ jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja tal-parroċċa u l-liturġija, li jiffurmaw ruħhom fil-fidi u jikkontribwixxu fil-ħajja tal-Knisja.”

Il-parteċipanti kellhom ukoll udjenza privata mal-Papa Benedittu XVI.  Fid-diskors tiegħu il-Papa osserva li storikament il-Knisja kienet minn ta’ quddiem fl-isforzi biex tappoġġja l-persuni nieqsa mis-smigħ, imma fl-istess ħin sostna li għad hemm bżonn ħafna aktar xi jsir biex ikun assigurat li l-persuni nieqsa mis-smigħ iħossuhom verament milqugħha u nklużi fil-Knisja.  Il-Papa ħeġġeġ lill-persuni nieqsa mis-smigħ biex mhux biss ikunu ħerqana li jirċievu l-messaġġ tal-Vanġelu imma anke biex iwassluh lil ħaddieħor.

Fl-intervent tagħha waqt il-konferenza, Dr Marie Alexander, lecturer fl-Università ta’ Malta, qalet li f’Malta għalkemm għad hemm ħafna x’irid isir speċjalment fil-qasam tal-katekeżi, kull nhar ta’ Sibt filgħaxija l-persuni nieqsa mis-smigħ jistgħu jattendu għal quddiesa interpretata bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija fil-kappella ta’ l-Università ta’ Malta.  Din l-inizjattiva qed tkun appoġjata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta.  Dr Alexander żiedet tgħid li Maria Galea, interpretu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija b’konsultazzjoni ma’ Fr Martin Micallef, Fr Paul Sciberras u żewġ riċerkaturi li huma persuni nieqsa mis-smigħ, Dorianne Callus u Karl Borg bħalissa qed jaħdmu biex jagħmlu t-testi tal-liturġija tal-quddiesa disponibbli għall-komunità Maltija nieqsa mis-smigħ permezz tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija (fuq DVD) u miktuba permezz tas-sistema tal-kitba tas-sinjali żviluppata minn Valerie Sutton. Dan kollu qed isir fi ħdan il-Proġett tar-Riċerka tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija taħt id-direzzjoni tagħha (Dr Alexander) liema proġett qed ikun appoġjat mill-Università ta’ Malta.  Is-sena l-oħra it-traduzzjoni ta’ l-istejjer Bibliċi ta’ l-Infansja ġew irrekordjati bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija fuq DVD kif ukoll miktuba bis-sistema tal-kitba tas-sinjali minn Maria Galea b’konsultazzjoni ma’ Fr Paul Sciberras, Karl Borg u Dorianne Callus.  Dr Alexander temmet tgħid li titamma li l-Arċidjoċesi ta’ Malta ma’ ddumx ma’ jkollha Team li jkun responsabbli mill-pastorali mal-persuni nieqsa mis-smigħ.

Il-Konferenza fir-rakkomandazzjonijiet finali tagħha pproponiet fost oħrajn li:  l-Knisja f’kull pajjiż ikollha  uffiċċju li jikkoordina l-pastorali mal-persuni nieqsa mis-smigħ.  Kull djoċesi għandu jkollha għall-anqas qassis wieħed kompetenti f’dan il-qasam biex ikun jista’ jappoġja l-persuni nieqsa mis-smigħ sabiex ikollhom aċċess sħiħ għas-sagramenti, l-liturġija u l-katekeżi.  Għandu jkun hemm kors ta’ kuxjentizazzjoni għas-seminaristi dwar il-ħidma pastorali mal-persuni nieqsa mis-smigħ u l-possibilità li jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali.