Din il-Kummissjoni ġiet imwaqqfa b’Digriet tat-23 ta’ Awissu 2003, wara d-dokument “Kultura-Soċjeta-Knisja” li kien imħejji fis-Sinodu Djoċesan u li jipprovdi għat-twaqqif ta’ Kummissjoni Ambjent, fi ħdan is-Segreterija Pastorali. L-għan tagħha huwa li toħloq kuxjenza kemm fil-Knisja u kemm fis-soċjetà dwar kif ir-responsabblita’ u l-etika lejn l-ambjent għandhom l-għeruq tagħhom fil-fidi u l-imħabba lejn il-Ħallieq. Il-ħidma tal-Kummissjoni hija mfassla fuq Linji Gwida li ħejjiet u li kienu ippublikati fl-2005. Il-Kummissjoni toffri opinjonijiet fuq temi ambjentali kif ukoll tieħu diversi inizzjattivi sabiex tkattar l-għarfien, u l-edukazzjoni dwar l-ambjent fost il-livelli kollha tal-Knisja, u sabiex tghin li dan is-sens ta’ responsabbilta’ jissarraf f’inizjattivi konkreti u prattici fid-Djoċesi ta’ Malta.