• THE LONE RANGER     

  • ***

    Direttur:        Gore Verbinski

    Atturi:            Armie Hammer, Johnny Depp, William Fichtner, Ruth Wilson

    Ħin:                149 minuti

    Klassifika taċ-Ċensura: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 12

    Meta John Reid imur ma’ grupp ta’ nies, immexxija mix-Sheriff, biex jaqbdu l-briganti li jkunu serqu train u għamlu massakru, li l-perċimes tagħhom ikun Butch Cavendish,  isibu ruħhom f’imbuskata. Kollha jiġu maqtulin ħlief Reid, li jiġi ferut iżda  jibqa’ ħaj. Hu jiġi salvat minn Tonto, Indjan Amerikan, li jikkurah sakemm jerga’ jieħu saħtu. Mbagħad Reid, flimkien ma Tonto, jirkeb iż-żiemel abjad tiegħu, li aktar tard isemmiħ ‘Silver’, u jitlaq biex iġib għal ġustizzja lil dawk li qatlu lil ħuħ Dan u l-sħabu kollha. Tonto jgħid lil Reid biex jilbes maskra sewda quddiem għajnejħ biex ma’ jagħrfuħx. Hu jiġi mlaqqam ‘The Lone Ranger’. Dan iseħħ fl-isfond tal-bini tal-linji tal-ferrovija li jieħdu lejn il-West. Sadanittant Reid u Rebecca, il-mara ta’ ħuħ, jieħdu grazzja ma’ xulxin.

    Il-ġrajja ta’ The Lone Ranger bdiet bħala storja drammatiżata fuq ir-radio amerikan, u wara saret serje televiżiva fis-snin 50 u 60. Dan il-film iġib fuq l-iscreen il-kbir din l-istorja, irrakkontatha minn Tonto, iżda din il-verżjoni hija differenti ħafna mill-istorja oriġinali li kienet tippreżenta lil John Reid bħala sheriff qalbieni li dejjem ifittex li jġib quddiem il-ġustizzja lil briganti bil-għajnuna ta’ Tonto. Dan il-film huwa aktar f’forma ta’ kummiedja, fl-istil ta’ ‘Pirates of the Caribbean’. Il-protagonist tal-film huwa Johnny Depp fil-parti ta’ Tonto, u huwa parodija tat-Tonto oriġinali, filwaqt li Reid bħala The Lone Ranger huwa fjakk u mħawwad. Il-film fil-biċċa l-kbira jżommlok l-attenzzjoni iżda huwa twil iżżejjed.  Fih xeni ta’ ġlied u vjolenza u dmija.  Jgħodd għal dawk il-fuq minn tnax il-sena.