• Riddick

  • Direttur:        David Twohy

    Atturi:            Vin Diesel, Jordi Molla, Matt Nable, Katee Sackhoff

    Ħin:                119 minuti

    Klassifika taċ-Ċensura: 15

    Klassifika tal-Knisja: 18

    Riddick, ħabsi minħabba qtil, iwassluh fuq pjaneta b’ambjent ostili ħafna u deżert, infestatha b’annimali li jieklu lil kull min isibu. Kienu tawh x’jifhem li kien se jiġi meħud lura lejn id-dinja tiegħu, iżda hemmhekk dawk li jkunu miegħu jippruvaw joqtluh u meta jaħsbu li jkun miet jitilqgħu u jħalluh hemm. Hu jistejqer u jipprova jkampa f’dak l-ambjent ostili. L-uniku ċans li għandu li jaħrab minn hemm huwa li jiġbed lejn il-pjaneta fejn kien qiegħed lil dawk li jfittxu lil kriminali biex jitħalsu talli jkunu qabduhom, bil-għan li jegħlibhom u jaħrab minn hemm bil-vettura tagħhom. Għalhekk Riddick jibgħat sinjal ta’ emerġenza u wara ftit jaslu żewġ gruppi ta’ dawk li jaqbdu l-kriminali, wieħed immexxi minn Santana li jrid jaqta’ ras Riddick u jpoġġiha f’kaxxa, u l-ieħor immexxi minn Johns li jrid jaqbad lil Riddick ħaj biex ikun jista’ jiġi pproċessat. It-tnejn li huma jridu li jaqbduh huma u jiġġieldu ħafna bejniethom minkejja li ma jkunx ippreparati għal dak li jkollhom iħabbtu wiċċhom miegħu. Fl-aħħar iż-żewġ gruppi jingħaqdu flimkien biex jeħduha kontra minaċċja kemm minn Riddick u kemm mill-annimali selvaġġi.

    Film ta’ science fiction u t’azzjoni, it-tielet wieħed fis-serje ta’ ‘Chronicles of Riddick’. Il-film hu maqsum fi tlett atti mimlijin azzjoni. Fih fotografija sabieħa, u reċtar tajjeb bl-aħjar parti jaħdima Vin Diesel. Fih ħafna vjolenza qawwija u mdemmija, kontenut sesswali u nudita’, u ħafna kliem ħażin.

    Jgħodd għal udjenza adulta.