• RUSH

  • ****

    Direttur:          Ron Howard

    Atturi:             Chris Hemsworth, Daniel Bruhl, Olivia Wilde, Alexandra Maria Lara, Pierfrancesco Favino u David Calder

    Ħin tal-film:    122 min.

    Maħruġ minn KRS Film Distributors

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    James Hunt u Miki Lauda huma sewwieqa kapaċi ħafna. L-ewwel kuntatt kontra xulxin kien fis-sena 1970 waqt  tiġrija tal-karozzi Formula 3 ġewwa Crystal Palace fl-Ingilterra. Hunt, żagħżugħ prużuntuż, waqt li Lauda, bniedem kalm għall-aħħar u preċiż fid-deċiżjonijiet tiegħu. Lauda xejn ma kellu appoġġ minnaħa ta’ missieru. Għalhekk issellef mill-Bank biex sab ruħu fit-tim tal-BRM Formula. Hawn jiltaqa` ma’ Clay Regazzoni, sewwieq famuż tal- karozzi tat-tiġrija. Hunt minnaħa l-oħra  ingaġġa mat-tim Hesketh Racing u sab ruħu jieħu seħem fil-Formula 1 wkoll. Lauda, flimkien ma’ Regazzoni, jidħol ma’ Scuderia Ferrari u ma jdumx ma jirbaħ l-ewwel kampjonat fl-1975. Meta Hesketh ifallu, Hunt jidħol ma’ McLaren wara li Emerson Fittipaldi jħalli t-tim. Hunt sadanittant jiżżewweġ lil Suzy Miller, waqt li Lauda jiżviluppa relazzjoni ma’ Marlene Kraus. Il-pika bejn iż-żewg sewwieqa tibda toħroġ aktar fil-miftuħ fit-tiġrija ta’ Formula 1 fis-sena 1976. Lauda jirbaħ l-ewwel żewg tiġrijiet. Fit- tiġrija ġewwa Spanja, Hunt jirbaħ it-tiġrija iżda jiġi skwalifikat meta l-karozza tiegħu, waqt spezzjoni, ssibu li kienet iktar wiesa` mir-regolamenti. Din kienet daqqa ta’ ħarta għal McLaren u fit-tiġrijiet ta’ wara xejn ma marru tajjeb. Biex tkompli tagħmilha aktar diffiċli għal Hunt, Suzi  kien qiegħed ikollha relazzjoni barra ż-żwieġ ma’ Richard Burton. Wara d-divorżju, Hunt jieħu spinta ‘l quddiem u jerġa’ juri li hu kien kapaċi  joffri sfida lil Lauda. Fil-Formula 1 ġewwa l-Ġermanja, Lauda jitlob li t-tiġrija tiġi mħassra minħabba t-temp ħażin, iżda b’insistenza ta’ Hunt, t-tiġrija ssir. Waqt it-tiġrija, Lauda jkollu inċident serju li b’xorti tajba jibqa’  ħaj. X’effett kien sejjer ikollu dan l-inċident fuq il-kampjonat? Tgħid Hunt jibda jara l-possibilta` li wara kollox jista’ jkun hu li jsir iċ-ċampjin? Lauda iżda jerġa jidħol fix-xena. X’jiġri minn hawn? 

    Film biografiku ta’ żewġ sewwieqa famużi li ddominaw ix-xena sportiva fis-snin sebgħin, l- aktar Niki Lauda. Minħabba xi xeni ta’ sess, użu ta’ droga, l-inċident serju li kellu Lauda, kif ukoll xi vjolenza u kliem ħażin, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax –il sena.