• Captain Phillips

  • ****

    Direttur:        Paul Greengrass

    Atturi:            Tom Hanks, Barkhad Abdi, Barkhad Abdirahman

    Ħin:                134 minuti

    Klassifika taċ-Ċensura: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 12A

    F’April tal-2009 il-Kaptan Richard Phillips ikun qed jidderiġi l-vapur merkantili Amerikan Maersk Alabama minn Oman sal-Kenya; huwa jkun qed iġorr prinċipalment ikel għas-Somalja. F’ħin bla waqt il-vapur jiġi attakkat barra l-kosta tas-Somalja mill-pirata Muse u tlett kompliċi oħra. Cpt. Phillips jagħmel ħiltu biex jiddefendi l-vapur tiegħu minn dawn il-pirati, iżda fl-aħħar Muse u t-tlett pirati l-oħra jirnexxielhom jitilgħu fuq il-vapur u jaħtfuh. Dan ma jkunx sempliċi att ta’ terroriżmu, tkun id-disperazzjoni li ġġigħel lis-Somali li jagħmlu azzjoni vjolenti. Phillips jittieħed priġunier u jintuża bħala pedina f’idejn il-pirati hekk kif in-navy Amerikana tiġi biex teħles lil Phillips u l-vapur tiegħu.

    Film thriller maħdum tajjeb ħafna, parti minnhu miġbud Malta, ibbażat fuq ġrajja vera kif deskritta fil-ktieb ta’ Cpt. Phillips innifsu flimkien ma Stephan Talty jismu A Captain’s Duty: Somali Pirates, Navy SEALS, and Dangerous Days at Sea. Minbarra Tom Hanks, li jagħmila ta’ Cpt. Phillips, l-atturi l-oħra ma tantx huma magħrufin iżda kollha jaqalgħu l-parti tagħhom. Film li jżommok fuq ix-xwiek il-ħin kollu. Fih xeni ta’ tensjoni u vjolenza u xi kliem ħażin. Tfal taħt it-12 il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.