• Gravity

  • *****

    Direttur:          Alfonso Cuaron

    Atturi:             Sandra Bullock, George Clooney, Ed Harris, Orto Ignatiussen, Paul Sharma, Basher, Savage u Amy Warren

    Ħin tal-Film:    90 min

    Maħruġ minn KRS Film Distributors

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Dr. Ryan Stone, inġinier fil-mediċina u Speċjalista fil-Missjoni,  tinsab fl-ewwel  esperjenza tagħha fl-ispazju fuq ix-Xatil Spazjali Explorer. Magħha kien ħemm il-veteran astronawta Matt Kowalski li kien qiegħed ittemm  l-aħħar spedizzjoni tiegħu fl-ispazju. Waqt ħarġa fl-ispazju biex jagħmlu xi tiswija fuq it-Teleskopju Hubble,  il-Missjoni ta’ Kontrol ġewwa Houston, twissi lit-tm li r-Russi kienu għadhom kemm laqtu b’missila, satellita li kienet qegħda tispjuna fuq ir-Russja  b’riżultat li din ikkawżat sħaba ta’ rdim spazjali u li dan kien ġej lejn ix-xatil spazjali. Għal din ir-raġuni,  l-awstronawti  jiġu ordnati biex jabbortjaw il-missjoni u jidħlu għall-kenn tax-xatil.  Iżda f’qasir żmien, l-irdim  jolqot l-Explorer b’riżultat li Stone ssib ruħa maqtugħa mix-xatil.  B’xorti tajba, Kowalski jirnexxielu jerga’ jaqbad lil Stone iżda meta mmorru qrib  ix-xatil,  isibu li din  kienet  intlaqtet sew mill-irdim  tant li ma kinitx iktar possibli li tintuża u barra hekk, il-bqija tal-krew kienu mejta. Għalhekk Stone u Kowalski, permezz ta’ thruster pack jerħulha lejn l-Istazzjon Internazzjonali li kien jinsab fl-orbitu mitt kilometru ‘l boghod. Kowalski jaghmel stima li biex jagħmlu  dan, għandhom xi desgħin minuta qabel ma l-irdim  jerġa jolqothom. X’jiġri meta jaslu ħdejn l-ISS? Il-problemi jkomplu jikbru hekk kif anke Kowalski  jsib ruħu f’diffikulta` b’riżultat li jitlef il-kuntatt minn Stone. Issa Stone ssib ruħa waħedha. X’sejra tagħmel? Hemm ċans li tieħu l-parir li kien ta’ Kowalski biex tipprova tilħaq il-kapsula Ċiniza Tiangong?  Ħafifa tgħidha iżda kif sejra tagħmel dan? Tgħid jirnexxielha u b’hekk, b’daqxejn ta’ fortuna, ssalva?

    Film maħdum tajjeb ħafna, bi 3D, u  bi ġrajja eċċitanti għall-aħħar u b’reċtar mill-aqwa, f’qaghda li mhux is-soltu naraw il-bnedmin fiha. Minħabba l-istorja fiha nfisha, mumenti ta’ tensjoni u biża`, kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax–il sena.