• The Hunger Games: Catching Fire 

  • ****

    Direttur:        Francis Lawrence
    Atturi:            Jennifer Lawrence, Josh Hutcherson, Donald Sutherland
    Ħin:                146 minuti 

    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15

    Katniss Everdeen u Peeta Mellark rebħu l-74 edizzjoni ta’ l-Annual Hunger Games (fl-ewwel film), sfida sal-mewt bejn żgħażagħ rappreżentanti ta’ kull wieħed mit-tnax id-distrett ta’ Panem u li tintwera diretta fuq it-television. Dawn il-kompetizzjonijiet kienu maħsuba bħala distrazzjoni għan-nies imġewħin u magħkusin ta’ Panem taħt it-tmexxija tal-President Snow, bniedem mill-għar u kattiv. Katniss u Peeta f’daqqa waħda saru ċelebrita’ u l-idoli tan-nies hekk kif jiġu mdawwrin ma’ kull distrett, u għalhekk saru problema għal-president Snow li qed jibża’ li n-nies se jqumu kontra tiegħu. Għalhekk Snow jordna lil Plutarch Heavensbee, il-kap il-ġdid tal-logħob li jmiss, biex Katniss u Peeta jiġu maqtulin. Plutarch ifassal pjan biex il-75 edizzjoni ta’ dawn il-logħobiet isiru bejn ir-rebbieħa tal-logħob ta’ qabel u b’hekk in-nies iduru kontra Katniss għax jaraw li hi biss idolu falz li tfittex biss l-interessi tagħha. Matul din il-kompetizzjoni ġdida Katniss moħħha biss biex tipproteġi lil Peeta, li tħobbu, bil-għajnuna tal-mentor tagħhom Haymitch, u għalhekk tinsa’ toqgħod attenta għal x’qed jiġri madwarha.

    Film drammatiku, it-tieni film minn erba’ ibbażati fuq it-tlett kotba ‘Hunger Games’ ta’ Suzanne Collins. Huwa film maħdum tajjeb u eċċitanti, b’reċtar mill-aqwa mill-protagonisti. Fih xeni ta’ vjolenza qawwija u dmija, qtil, u xena imbarazzanti. Jgħodd għal dawk li għalqu l-15 il-sena.