• Frozen

  • ***

    Diretturi:       Jennifer Lee u Chris Buck
    Atturi:            (vuċijiet ta’) Kristen Bell, Idina Menzel, Jonathan Groff
    Ħin:                108 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: U
    Klassifika tal-Knisja: UPG
     
    Anna u oħtha l-kbira Elsa huma l-eredi tas-saltna ta’ Arendelle. Iż-żewġt aħwa jħobbu ħafna lil xulxin. Elsa, għandha l-ħila tiffriżja l-affarijiet billi sempliċement iċċaqlaq subajjha. Iżda din il-ħila tista’ tkun aktar saħta milli barka, għax Elsa mhux dejjem kapaċi tikkontrolla din il-ħila. Meta biċċa silġ tinqata’ u kważi toqtol lil Anna, ir-re u r-reġina isakkru l-bibien tal-kastell, filwaqt li Elsa tingħalaq f’kamartha. Ir-re u r-reġina jinqatlu meta l-vapur li jkunu qed jivvjaġġaw fuqu tfarrak fuq il-blat. Elsa toħroġ minn kamartha biss meta joqrob il-jum tal-kurunazzjoni tagħha. Waqt il-ballu tal-kurunazzjoni, fejn kollox kien sejjer tajjeb, Anna f’daqqa waħda titlob lil oħtha biex tiżżewweġ lil Prinċep Hans. Elsa tinħasad u f’daqqa waħda Arendelle kollu jinkesa bis-silġ. Elsa taħrab lejn il-muntanji filwaqt li Anna tmur tiġri warajha iżda ma’ tkunx armata tajjeb biex tixxabbat ma’ dak is-silġ. Tasal f’post żgħir li jforni l-affarijiet tal-muntanji u hemm tiltaqa’ ma’ Kristoff u bl-għajnuna tiegħu tkompli t-tfittxija tagħha ta’ oħta bit-tama li ssibha u terġa’ titfaċċa x-xemx fil-pajjiż.
     
    Film animat ħelu ħafna minn Walt Disney Pictures, bi storja ispiratha minn “The Snow Queen” ta’ Hans Christian Anderson. Huwa film mużikali b’mużika u kanzunetti tal-widna. Fi 3 D. Il-film jiffoka b’mod pożittiv fuq ir-relazzjoni bejn iż-żewġt aħwa. Minħabba xi xeni ta’ periklu u biża’ t-tfal għandhom ikunu akkumpanjati mill-adulti.