Omelija tal-Isqof Scicluna lill-Avukati u Mħallfin fit-Tifkira ta’ San Ivo, Patrun tal-Avukati

  • Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    17 ta’ Diċembru 2013 

    Xtaqt noffri kumment qasir fuq ir-responsorju tas-salm li l-knisja tagħżel għal din il-ġurnata tas-sbatax ta’ Diċembru (għalina għażiża wkol it-tifkira ta’ San Ivo, patrun tal-avukati).  “Tħaddar f’jiemu il-ġustizzja u s-sliem.” Dawn huma ġranet partikulari ħafna li bdejna llum, għax millum il-knisja tibda tgħodd il-ġranet li jwasslu għall-Milied. U għandha wkoll serje ta’ antifoni straordinarji li kollha jibdew bl-‘O’, magħrufin bħala l-antifoni ‘O’, li mhux żero imma ‘O’, u li l-ewwel waħda titħabbar darbtejn matul il-ġurnata; fil-quddiesa bħala akklamazzjoni tal-Evanġelju u fl-għasar, fil-vespri, fit-talba ta’ filgħaxija tal-knisja qabel il-kantiku ta’ Marija, qabel il-kantiku tal-Magnificat.

    Illum l-antifona, l-ewwel waħda minn dawn is-serje ta’ sebgħa tgħidilna: “ O Għerf tal-Għoli,” O sapientia, O għerf tal-Għoli, “li tqassam kollox bil-qawwa u l-ħlewwa, ejja għallimna triq il-għaqal.”  Jiena nixtieq nabbina l-ewwel antifona tal-lum, sbatax ta’ Diċembru, mas-salm sabiħ, il-wieħed u sebgħin, li juri l-għatx tal-umanità għas-Salvatur, espressa fl-għatx fundamentali għas-sliem u għall-ġustizzja “O Alla agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan; biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzjau u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.” Hija talba straordinarja lil Alla li titlob għal min jiġġudika l-kriterju veru tal-ġustizzja. L-ewwelnett li jiftakar li quddiemu hemm bniedem, irrispettivament mill-kunidizzjoni soċjali tiegħu. Jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja, bil-ħaqq lill-imsejknin tiegħek.

    Hemm paralelliżmu kontinwu bejn ġustizzja u ħaqq. Imma il-poplu huwa dak li jappartjeni lis-sultan għax huwa afdat minn Alla lis-sultan. Mela l-poplu mhuwiex tas-sultan imma huwa afdat f’idejn is-Sultan. U s-Sultan jikkonferma l-fiduċja u r-responsabiltà lejn il-poplu billi jiġġudika bis-sewwa, skont il-ġustizzja. Meta il-kriterju jsir arbitrarju jew tiranniku, minflok fiduċjajru jsir traditur.

    “Tħaddar f’jiemu il-ġustizzja u s-sliem kotran”.  Is-salm jagħraf li jekk hemm bżonn is-sliem, li kulħadd jixxennaq għalih, bilfors irid ikun hemm ġustizzja. Ma jsitax ikun hemm sliem soċjali jekk ma jkunx hemm ġustizzja. Il-qrati tal-ġustizzja għandhom dan ir-rwol essenzjali, mhux importnati, essenzjali fis-soċjetà. Li jiggarantixxu il-protezzjoni lil kull ċittadin kontra kull kwalità ta’ abbuż ta poter u prepotenza. Dan ir-rwol tal-qrati tal-ġustizzja ma jista’ jonq0s qatt jekk irridu li jkun hemm is-sliem fis-soċjetà tagħna. U l-Milied għall-kuriduri tal-ġustizzja huwa mument straordinarju fejn wieħed jagħmel, mhux biss l-eżami ta’ kuxjenza, imma wkoll jirrejalizza li mhijiex, mhuwiex ħela ta’ żmien li titlob l-għaqal mingħand Alla u tirrejalizza wkoll li inti u timxi fuq l-għaxar kelmiet li tana, il-kmandamenti, tkun qiegħed tiggranatixxi li l-ġustizzja soċjali tkun possibli bil-qawwa u l-ħlewwa.

    Fortiter suaviterque. Hekk tgħid l-antifona O Sapientia. U b’xi mod dawn iż-żewġ avverbji, li huma tal-Messija, huma wkoll tal-imħallef nisrani. Fortiter: bil-qawwa tar-raġuni u tal-liġi, li nitolbu dejjem tkun ordinatio rationis għall-bonum comune; u l-ħlewwa, il-ħlewwa tal-ekwilbriju fil-ġudizzju, mingħajr eċċessi la ta’ rkupptejn jirtgħodu quddiem il-qawwijin ta’ din id-dinja u lanqas ħeġġa żejda quddiem l-imsejken li qiegħed jirtgħod hu quddiem l-imħallef. Ir-rogħda mhix tajba l-qorti, la fl-irkupptejn tal-imħallef u lanqas fl-irkupptejn ta’ min jidher quddiem l-imħallef.

    Irid ikollna soċjetà fejn min hu msejjaħ biex jidher qudiem l-imħallef jaf li sejjer quddiem il-ħabib tal-verità. Mhux bilfors il-ħabib tal-kawża tiegħi, imma l-ħabib tal-verità.  U dan huwa d-don li aħna nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ivo fuq il-mansjoni u fuq ir-rwol tal-ġustizzja f’pajjiżna: li tkun ta’ servizz għall-għaqda u ta’ servizz għall-ħarsien veru tad-dinjità ta’ kull bniedem.

    Il-Mulej iċċapaps magħna, kif juri l-elenku ta’ midinbin li hemm fl-arblu tar-raza tiegħu; ma ddejjaqx jiċċappas magħna biex jerfana. Dendel kusu magħna. Aħna għamilna bih li ridna veru. Mill-bidu nett għidnielu li “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda”. Imma l-misteru ta’ dan Alla, li jaqbad u jagħmel it-tinda tiegħu fostna, għax dan ifisser sar bniedem: poġġa t-tinda tiegħu fostna, sar wieħed minna, ġar tagħna, proxxmu tagħna, qabel ma aħna bdejna ngħidu, ‘imma dan min hu?’,  man-hu, jagħtina wkoll eżempju ta’ kif għandna nħarsu lejn xulxin u b’mod speċjali lejn l-imsejken.

    Naf li nkun qiegħed nitlob miraklu kbir, imma t-tama ma tonqos qatt, li kull min jersaq lejna għall-ġustizzja, ikollu risposta mingħajr ħafna dewmien, u b’xi mod f’dawn is-sebgħat ijem, il-knisja, se tibda tgħidlu: la tiddawwarx, tiddawwarx, tiddawwarx. J’Alla din it-talba li aħna nagħmlu lis-Salvatur, tfakkarna wkoll f’dak kollu li għandna nagħmlu aħna biex il-ġustizzja sseħħ, kemm jista’ jkun, qabel il-klijent imut.

      Charles J. Scicluna

         Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta