• Philomena

  • ****

    Direttur:        Stephen Frears
    Atturi:            Judi Dench, Steve Coogan, Michelle Fairley, Mare Winningham
    Ħin:                98 minuti.
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Il-film jibda bi flashbacks għal meta Philomena Lee kien għadha tfajla fl-Irlanda tal-1950’s. Waqt li tkun f’lunapark tiltaqa’ ma’ ġuvni li ma tafux u dan  joħroġha tqila. Il-familja tagħha jeħduha bi kbira u jħossu li ġiebitilhom diżunur u għalhekk jitfgħuha l-barra u jabbandonawha. Philomena għalhekk tmur f’kunvent tas-sorijiet li jieħdu ħsieb ommijiet mhux miżżewġin. Hija twelled tifel, li s-sorijiet iħalluha tarah siegħa biss kuljum. Hija tinżamm hemm qisha priġunier għal tlett snin, taħdem fil-kunvent biex tpatti għall-ispejjeż tal-ħlas u l-ikel tagħha. Waqt li tkun hemm it-tifel tagħha, Anthony, jiġi adottat minn koppja sinjura amerikana u Philomena jkollha tiffirma karti li permezz tagħhom titlef kull dritt li qatt tara iżjed lil binha u li tara d-dokumenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-adozzjoni. Philomena tibqa’ sa eta’ avvanzata tħossha ħatja għal dak li ffirmat. Ħamsin sena wara Philomena, issa pensjonanta, taqsam l-istorja ta’ qsim il-qalb tagħha ma Jane, bintha adulta. Permezz ta’ Jane, fl-2004 Philomena jirnexxilha tikseb l-għajnuna ta’ ġurnalist Ingliż, Martin Sixsmith, li jivestiga u jsib li Anthony ikun ittieħed l-Amerika. Flimkien ma’ Sixsmith, Philomena titlaq lejn Washington, fejn Sixsmith jiskopri li Anthony, li ismu sar Michael Hess, kien minn ta’ quddiem fir-Republican Party matul l-1980’s u saħansitra laħaq Chief Legal Counsel għal George H.W. Bush. Michael kien gay bil-moħbi u miet bl-AIDS fl-1995. L-iskoperta tal-mewt tiegħu m’hix it-tmiem ta’ l-istorja imma l-bidu għax Philomena u Sixsmith ifittxu li jibnu l-istorja ta’ ħajtu u jaraw x’tip ta’ bniedem kien.
     
    Film drammatiku bbażat fuq storja vera kif irraportatha fil-ktieb ta’ Martin Sixsmith, The Lost Child of Philomena Lee (2009). Minkejja li l-film kultant hu umoristiku ma jaħbix ir-realta’ traġika li hi l-qofol ta’ l-istorja: omm u iben disperament jipprovaw isibu lil xulxin, imfixklin minn nies li jridu jipproteġu is-sigrieti tagħhom, u li għalhekk ma’ jirnexxilhomx jiltaqgħu qabel ma’ xi ħadd minnhom imut. Judi Dench tispikka f’dan il-film u turi l-ħila artistika tagħha. Il-film fih temi maturi bħal sess qabel iż-żwieġ u omosesswalita’, u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.