The Fifth Estate

  • The Fifth Estate

  • ***

    Direttur:        Bill Condon
    Atturi:            Benedict Cumberbatch, Daniel Bruhl, David Thewlis
    Ħin:                128 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 15
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Il-film jirrakkonta l-iżvilupp ta’ Wikileaks minn website li kien għadha mhix magħrufa, immexxiha minn Julian Assange, bniedem li kellu kodiċi strett li kien jinkludi li jippromovi l-liberta’ ta’ l-espressjoni, li jesiġi trasparenza mill-kumpaniji l-kbar, u li jipproteġi s-sorsi tiegħu. Fil-bidu Assange ikun persuna erojika, speċi ta’ Robin Hood għaż-żmien ta’ l-informatika. Billi x-xogħol biex imexxi Wikileaks isir wisq għal persuna waħda, Assange idaħħal miegħu lil Daniel Domscheit-Berg. Huma jiksbu l-ewwel suċċess kbir tagħhom fi Frar 2008 meta kixfu l-attivitajiet illegali assoċjati mal-Bank Svizzeru ‘Julius Baer’. Wara dak beda jkollhom battalji legali ma’ diversi gvernijiet u aġenziji legali li kienu jipprovaw, ħafna drabi mingħajr suċċess, biex iwaqqfuhom milli jippublikaw informazzjoni sensittiva. Iktar ma’ Wikileaks kibret iktar Daniel beda jitħasseb dwar il-metodi li kien qed juża Assange. Meta fl-2010 Assange issieħeb ma’ The Guardian, The New York Times, u Der Spiegel, u ppublika aktar minn 90,000 dokument ikklassifikati tal-gvern Amerikan mingħajr ma’ biddel l-ismijiet tan-nies involuti u b'hekk poġġa ħafna nies fil-periklu, Daniel infired minnhu u bl-għajnuna ta’ tnejn oħra mill-istaff ta’ Assange, ipprova jagħlaq il-Wikileaks.
     
    Film thriller u drammatiku, fil-biċċa l-kbira bbażat fuq il-ktieb ta’ Daniel DomscheitBerg: ‘Inside Wikileaks: My Time with Julian Assange at the World’s Most Dangerous Website’. Il-film għalhekk ipinġi lil Assange mill-lenti ta’ Berg. Il-film fih waqtiet tajbin u interessanti, l-aktar mertu ta’ Benedict Cumberbatch li jaqla’ ħafna il-parti ta’ Assange, iżda fit-totalita’ tiegħu l-film mhux tant interessanti, anke għax jagħti wisq importanza lilu nnifsu. Fih xeni ta’ vjolenza qawwija u kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.