• 12 Years a Slave

  • ****

    Direttur:          Steve McQueen
    Atturi:              Chiwetel Ejiofor, Michael Fassbender, Benedict Cumberbatch, Paul Dano, Paul Giamatti, Lupita Nyong’o, Sarah Paulson, Brad Pitt u Alfre Wooddard
    Ħin tal-film:    134 min.
    Maħrug minn KRS Film Distributors
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18
     
    Il-film jeħodna fis-sena 1841 fejn insibu lil Solomon Northup, bniedem iswed iżda ħieles, tant li kien jaħdem bħala mastrudaxxa u jdoqq ukoll il-vjolin. Kien igħix kuntent ma’ martu u ż-żewġ uliedu ġewwa Saratoga Springs, New York. Jum wieħed żewg irġiel offrewlu kuntratt ta’ gimgħatejn bħala mużiċista. Iżda l-pjan tagħhom kien li jaħtfuh u jbiegħhuh bħala skjav. Fil-fatt Solomon isib ruħu ġewwa New Orleans u jingħata isem ġdid ta’ “Platt” identita ta’ skjav minn Georgia li kien ħarab. Imsawwat kontinwament, fl-aħħar jinxtara minn William Ford li kien proprjetarju ta’ pjantaġġun . Ford ma kienx raġel ħażin u Solomon kien iżżomm relazzjoni tajba ħafna miegħu  tant li anke Ford ta lil Solomon vjolin. Iżda sfortunatament, ir-relazzjoni ta’ Solomon ma’ John Tibeats, li kien mastrudaxxa u kien jieħu ħsieb ix-xogħolijiet, xejn ma kienu tajbin tant li Tibeats spiss kien joħloq diffikultajiet kbar għal Solomon. Minħabba f’hekk,  Ford kellu jbiegħ lil Solomon lil Edwin Epps li kien l-oppost ta’ Ford għax kien jemmen li hu kellu kull setgħa fuq l-iskjavi għax kien jinterpreta l-Bibbja li kienet tgħid hekk. Epps ukoll kien jabbuża minn skjava żagħżugħa bl-isem ta’ Pasey li wkoll ġibdet l-għira fuqha ta’ mart Epps. Meta fuq il-pjantaġġun waqghet marda fuq il-pjanta tal-qotton, Epps  jikri l-iskjavi li kellu lill-proprjetarju  ieħor. Solomon hawn sab appoġġ mill-proprjetarju li għalih idoqq il-vjolin waqt festini u l-flus li jdaħħal setgħa żżommom għalih. B’xorti hazina ghal Solomon, meta rega sab ghan Epps, bil- flus li kien qala’ mid-daqq tal-vjolin, talab il-għajnuna ta’ wieħed li darba kien solveljant fuq ix-xogħol biex jimpostalu  ittra għall-ħbieb tiegħu ġewwa New York. Iżda l-pjan falla. Tgħid Solomon isib mod ieħor biex jeħles minn dan l-iskjavitu li sab ruħu fih?

    Film msejjes fuq storja vera u maħdum b’sengħa kbira, juri l-kefrija li l-iskjavi suwed kellhom jgħaddu minnha sakemm ġew meħlusa tant snin wara. Minħabba l-krudelta, vjolenza, stupru kif ukoll kliem goff, tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax –il sena.