• Cuban Fury

  • ***

    Direttur:        James Griffiths
    Atturi:            Nick Frost, Rashida Jones, Ian McShane, Chris O’Dowd
    Ħin:                98 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12
    Klassifika tal-Knisja: 12A
     
    Fl-1987 Bruce Garrett kien tifel ta’ 13 il-sena b’ħila kbira ta’żfin Salsa u  jkun qed jipprepara biex jieħu sehem fil-kompetizzjoni tal-UK Junior Salsa Championships. Iżda jiġi ibbulijat fi triq f’Londra u spiċċatlu l-konfidenza kollha li kellu u ħajtu mbidlet għal kollox. Issa, tnejn u għoxrin sena wara, Bruce jinsab jaħdem f’uffiċċju, moħħu biex jiekol u jixrob, u oħxon, u jitħassar lilu nnifsu.  Julia biss, il-boss Amerikana ġdida tiegħu, li hi fuq tagħha, ċajtiera u ħelwa, tagħtih raġuni biex jibqa’ jgħix. Imma jħoss li ma’ jistax jersaq lejha għax hu ma joqgħodx ħdejn it-tbissima u l-ħajja perfetta tagħha. Madankollu, bla ma jaf Bruce, Julia għandha l-problemi tagħha. U b’xorti tajba għalih, għandha wkoll ġibda bil-moħbi lejh. U mbagħad hemm il-kollega tiegħu Drew, l-imqareb ta’ l-uffiċċju u li bil-miftuħ jgħid kemm jixtieq li jkollu x’jaqsam ma’ Julia. Iċ-ċans għal Bruce jiġi meta jiskopri li Julia tħobb tiżfen is-Salsa.
     
    Film romantiku ħelu li fih iż-żfin Salsa għandu importanza ċentrali. Fih element komiku b’Nick Frost oħxon jiżfen u li fl-istess ħin ma’ jiddejjaqx jidħaq bih innifsu. Il-film juri li l-verita’ tirbah, b’mod speċjali wara li l-ħabib ta’ Bruce jipprova jaqlibilu. Fih xi kliem doppju sens u xi sitwazzjonijiet skabrużi. Nissuġġerixxu li tfal taħt it-12 il-sena jkunu akkumpanjati mill-ġenituri.