• Blue Jasmine

  • ***

    Direttur:          Woodey Allen
    Atturi:             Cate Blanchett, Alex Baldwin, Bobby Cannavale, Louis C. K., Andrew Dice Clay, Sally Hawkins u Peter Sarsgaard
    Ħin tal-Film:    98 min
    Maħruġ minn KRS Film Distributors
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:     12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:          15
     
    Jasmine tasal San Francisco minn New York, libsa eleganti u mimlija biha nfisha tant li taħseb li hi xi prinċipessa. Mill-ajruport tieħu taxi għal għand oħta Ginger. Jidher li xi ħaġa fil-ħajja tagħha marret ħażin. Malajr insiru nafu li Jasmine tilfet kollox u mill-ħajja ta’ lussu li kienet tgħix,  issa kienet tinsab f’qagħda li jkollha tibda mill-ġdid. Sfortunatament,  jidher li ma kienet tgħallmet xejn, baqgħet taħseb f’ħajja ta’ lussu  u stil ta’ ħajja li kienet tgħix ġewwa New York mar-raġel tagħha Hal, li kien negozjant kbir u miljunarju. Iżda din it-tip ta’ ħajja  intemmet għal Jasmine. Insiru nafu permezz ta’  flexbeck x’kien ġara, fosthom li Hal, frodista mill-kbar,  kien froda s-somma ta’ $200,000 lir-raġel ta’ Ginger, somma flus li kien rebaħ mill-lotterija. Dan ġara meta Ginger u r-raġel tagħha kienu għamlu żjara ġewwa New York biex jiltaqgħu ma’ Jasmine u r-raġel tagħha Hal. Waqt din iż-żjara wkoll, Ginger tintebaħ li Hal kien qiegħed jaqlibha lill-oħta.  iżda hi ma qalet xejn lil hadd. Ginger qatt ma tat tort lil oħta iżda dan kellu effett fuq iż-żwieġ tagħha ma’ Augue, li ta t-tort kollu lil Jasmine. Sadanittant, Jasmine tibda tara x’sejra tagħmel u tibda kors ta’ komputer biex b’hekk  tkun tista’ tibda tagħmel xogħol ta’ disjinatur ta’ ġewwa. Ginger minnaħa tagħha bdiet relazzjoni ma’ Chili wara li ddivorzjat minn Augie.  Jasmine wkoll tibda relazzjoni ma’ Dwight waqt riċeviment. Dwight hu diplomatiku u kien jaspira li xi darba ssir senatur fil-Kungress Amerikan. Ginger ukoll fl-istess riċeviment tibda relazzjoni ma’ Al għaliex xebgħet tisma’ kritika minn Jasmine fuq Chili. X’jiġri iżda meta Jasmine li kienet ma’ Dwight tiltaqa’ ma’ Augie li jikxef kollox min kienet tabilhaqq Jasmine?  X’isir  minn Jasmine?

    ​Film interessanti u maħdum b’sengħa kbira minn Direttur ta’ fama bħal Woodey Allen, b’reċtar mill-aqwa mill-attrici Cate Blanchett. Fih studju serju ta’ karattru egoċentriku mill-iktar interessanti.  Minħabba t-tema tal-film fejn insibu koabitazzjoni, adulterju kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.