• Out of the Furnace

  • ***

    Direttur:          Scott Cooper
    Atturi:             Christian Bale, Woody Herrelson, Casey Affleck, Forest Whitaker, William Dafoe, Zoe Saldana u Sam Shepard
    Ħin tal-film:    116 min
    Maħruġ  minn KRS Film Distributors
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18
     
    Russell Baze wara li jirritorna  mix-xogħol,  jaqbad lil ħuh Rodney jilgħab imħatra fuq żiemel tellief. Russell jirsisti li jkun jaf minn fejn Rodney ġab il-flus. Russell  isir jaf li John Petty kien qiegħed issellfu l-flus biex ikun jista’ jilgħab. Petty kellu ħanut tax-xorb li fih kien isir ħafna logħob tal-azzard.   Russell  imur fil-ħanut tax-xorb u jagħti l-flus li kien daħħal mix-xogħol biex iħallas parti mid-dejn li Rodney kien għamel ma’ Petty   u jwiegħed li meta jdaħħal pagament ieħor,  imur ikompli  jħallas id-dejn ta’ ħuh.  Sfortunatament meta kien qiegħed jirritorna d-dar, jaħbat ma’ karrozza oħra. Disgrazzjatament joqtol lil dawk li kienu fiha. Għal dan l-inċident, hu jeħel il-ħabs għal dak li għamel. Mill-ħabs isir jaf li missieru kien miet u li l-għarusa tiegħu Lena kienet ħallietu u bdiet relazzjoni ma’ Wesley, il-kap tal-pulizija tad-Distrett.  Wara li joħroġ mill-ħabs, jirritorna d-dar u jipprova jirranġa mal-għarusa Lena, iżda jsir jaf li hi kienet ħarġet tqila minn Wesley. Rodney sadanittant jieħu sehem fi ġlieda organizzata li fiha suppost kellu jitlef bi fteħim ma’ Petty biex b’hekk iħallas ftit mid-dejn li kellu miegħu. Russell isir jaf li ħuh Rodney kien qiegħed jieħu sehem f’dan it-tip ta’ ġlied  u jkun għalxejn li  jirsisti miegħu biex jibda jaħdem.  Rodney ma jkunx irid jaf tant li ġġiegħel lil Petty biex jirranġalu ġlieda ma’ Harlan DeGroat, persuna anti-soċjali għall-aħħar, vjolenti  u li kien ukoll imexxi d-droga. X’jiġri minn hawn? Russell isir jaf u flimkien ma’ zijuh Red, jieħdu r-riskju li jippruvaw issalvaw lil Rodney. Tgħid jirnexxielhom?

    Film interessanti bi storja tajba fejn turi d-differenzi li jista’ jkun hemm bejn l-aħwa, wieħed jaghmel minn kollox biex jgħix ħajja tajba u lest li jgħin lill-ħuh akkost ta’ kollox, l-ieħor ma jrid jaf b’xejn ħlief li jgħix ħajja bla skop. Minħabba l-vjolenza, kliem goff u abbuż mid-droga, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax –il sena.