• Endless Love

  • ***

    Direttur:        Shana Feste
    Atturi:            Alex Pettyfer, Gabrielle Wilde, Bruce Greenwood
    Ħin:                103 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Jade Butterfield u David Elliot huma żewġ żgħażagħ li għadhom kif spiċċaw l-iskola sekondarja u li ġejjin minn ambjenti differenti. Jade hija tfajla ħelwa u sinjura u  li dejjem kienet ipproteġutha mid-dinja mill-ġenituri tagħha Hugh u Anne. Il-familja tagħha kellha traġedja: snin ilu ħu Jade il-kbir kien miet b’cancer u missier Jade irid li hija twettaq il-ħolma ta’ ibnu li jsir tabib. Meta Jade tiltaqa’ ma’ David, student bħalha, mall-ewwel jħossu ġibda kbira lejn xulxin. David huwa fqir iżda ta’ l-affari tiegħu; minflok jippjana li jmur l-universita’ huwa jrid jaħdem bħala mekkanik ma’ missieru Harry, li hu ddivorzjat. David jiġġennen wara Jade minkejja d-differenzi fil-familji tagħhom. Missier Jade mhu xejn kuntent bl-għażla li għamlet binthu, filwaqt li missier David hu ferħan bl-għażla ta’ ibnu. Fil-vaganzi tas-sajf Jade tisfida lil missierha u minflok tgħaddi sajf taħdem fl-isptar tqatta’ ż-żmien ma’ David u ħbiebu. Missier Jade isir ma’ jaħmlux lil David u l-ġlieda bejniethom tiħrax, għalkemm omm u ħu Jade jilqgħuh. Fl-aħħar iżda kollox jitranġa.
     
    Film romantiku, verżjoni ġdida tal-film ta’ Franco Zeffirelli li ħareġ fl-1981 u li kien ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Scott Spencer (1979). F’din il-verżjoni ġdida, Shana Feste twarrab ħafna mill-materjal ta’ l-istorja oriġinali u toħloq storja oħra fejn żewġ żgħażagħ miġnunin wara xulxin jmorru kontra r-rieda ta’ missier it-tfajla iżda li fl-aħħar jerġgħu jagħmlu rikonċiljazzjoni miegħu. Il-film fih xi xeni skabrużi, xorb ta’ alkoħol miż-żgħażagħ, u xi kliem goff. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.