• L-Isqof Mario Grech jiltaqa’ mal-President Marie-Louise Coleiro Preca

  • Waqt żjara ta’ kortesija li l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech għamel lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, it-Tnejn 14 ta’ April 2014, intqal li l-uffiċċju li l-President se jkollha f’Għawdex se jagħti opportunita’ li din il-Presidenza tkun aktar viċin tal-Għawdxin.

    Il-President Coleiro Preca qalet li prijorità ewlenija ta’ din il-Presidenza se jkunu t-tfal.

    Hija semmiet il-proposta tagħha tal-Guardian ad litem waqt il-proċess tal-adozzjoni ħalli jkompli jiġi assigurat li l-aħjar interess tat-tfal jiġi salvagwardjat.

    Il-President Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet ukoll dwar l-unaccompanied minors li dan l-aħħar żdied in-numru tagħhom u sostniet li dawn ukoll iridu jingħataw l-appoġġ meħtieġ.

    Min-naħa tiegħu, Mons. Mario Grech irringrazzja lil President tal-viżibilità li se tkun qed tagħti lil Għawdex.

    Sostna li kull ma jmur in-numru ta’ immigranti f’Għawdex sar iktar sinjifikanti u kien għalhekk li kkummissjona rapport dwar il-qagħda tal-immigranti f’Għawdex.

    Mons. Grech qal li se jkun qed jgħaddi dan ir-rapport lil President Coleiro Preca għal aktar diskussjoni.

    Mons. Grech qal ukoll li hu ferm importanti li l-Istat jieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, li huma minn ta’ quddiem nett fost il-vulnerabbli. Qal li hija ħaġa sabiħa li s-soċjetà tesprimi l-għozza tagħha favur l-ulied, pero t-tfal m’huma dritt ta’ ħadd; pjuttost huma l-adulti fid-dmir li liċ-ċkejknin jgħinuhom jitrabbew f’ambjent ta’ familja.

    L-Isqof Mario Grech apprezza x-xewqa li esprimiet l-President Marie-Louise Coleiro Preca, li jkun hemm aktar attenzjoni mill-awtoritajiet biex l-addozzjoni tkun dejjem fl-aħjar interess tat-tfal.

  • Ritratti – DOI