Stqarrija tal-Isqfijiet dwar il-Liġi tal-Unjoni Ċivili

  • Wara li l-Parlament ta’ Malta approva l-liġi dwar l-unjoni ċivili u l-adozzjoni tat-tfal minn koppji  tal-istess sess,  bix-xewqa li d-diskussjoni tkompli b’rispett lejn kull persuna indipendentament mill-orjentament sesswali tagħha u mill-għażla li tkun għamlet, aħna l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex inħossu li nistgħu nwasslu dawn il-punti:

    1. Minkejja t-tibdil li għaddejjin minnu, is-soċjetà tagħna għandha tkompli tagħmel kuraġġ u tirsisti biex tibqa’ tgħożż u tagħti preferenza lill-familja naturali mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara. Din il-familja, fejn il-missier u l-omm, misjuqa mill-imħabba ġenwina, inisslu l-ħajja u b’ħafna għożża u sagrifiċċju jrabbu u jedukaw lil uliedhom, hija riżorsa indispensabbli għan-Nazzjon. Jekk din il-familja tiġi nieqsa, inkunu għamilna ġerħa lill-umanità. Il-Papa Franġisku stess, ftit ilu qalilna b’mod ċar li “fil-każ tal-familja, id-dgħufija tar-rabtiet issir partikolarment gravi għax hawn għandna ċellula fundamentali tas-soċjetà, l-ambjent fejn nitgħallmu ngħixu bid-differenzi ta’ bejnietna u nkunu ta’ xulxin”[1].
    2. Wieħed jinnota bi gratitudni li fostna hawn sensibilità qawwija favur it-tfal, kemm dawk li huma wlied naturali, kif ukoll dawk adottati. Huwa dmir tagħna li nassiguraw li jkollna strumenti legali tajbin biex l-interessi u d-drittijiet tat-tfal ikunu rispettati minn kulħadd.  Sewwa li ngħassu fuqna nfusna biex l-interess tal-ġenituri fiċ-ċkejknin ikun motivat biss minn xewqa li jissodisfaw il-ħtiġijiet veri ta’ wliedhom. Għal darb’oħra, l-istess Papa Franġisku, ftit jiem ilu qalilna: “mil-lat pożittiv irridu nisħqu dwar id-dritt li t-tfal jitrabbew fil-familja flimkien ma' missier u omm li jkollhom ħila joħolqu ambjent ideali għall-iżvilupp u l-maturazzjoni affettiva. U li jkomplu jimmaturaw fir-relazzjonijiet ma' dak li huma maskolinità u l-femminilità ta' missier u ta' omm biex b'hekk iħejju ruħhom għall-maturità affettiva”[2].
    3. Ħadd ma’ jista’ jħassar id-differenzi u l-kumplimentarjetà sesswali bejn raġel u mara. Ir-relazzjonijiet ta’ koppji omosesswali min-natura tagħhom jibqgħu għalkollox differenti minn dawk ta’ koppji eterosesswali. Id-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, hi min hi u hu x’inhu l-orjentament sesswali tagħha, għandhom dejjem ikunu mħarsa mil-liġijiet tal-pajjiż.
    4. Issa li l-Istat Malti introduċa l-unjoni ċivili għall-koppji tal-istess sess, l-awgurju tagħna l-Isqfijiet huwa li l-istess Stat Malti jqawwi l-ħidma tiegħu biex tissaħħaħ il-familja li titnissel mir-rabta ta’ ragel u mara fiż-żwieġ.
     
    Bħala rgħajja spiritwali, aħna nħeġġu lill-Insara u lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex kontinwament jitfgħu ħarsithom fuq Ġesù Kristu u bl-għajnuna tiegħu jikbru f’konformità mar-rieda t’Alla. Għalkemm il-viżjoni tal-Ħallieq dwar iż-żwieġ u s-sesswalità hija differenti minn dik ippreżentata minn din il-liġi, il-komunità Nisranija jibqgħalha d-dmir li turi mħabba pastorali għal kull persuna, hi min hi, u l-bibien tal-Knisja jibqgħu miftuħa għal min ġenwinament ifittex lill-Mulej.

    ✠ MARIO GRECH                                                                  ✠ PAWLU CREMONA O.P.

        Isqof ta’ Għawdex                                                                 Arċisqof ta’ Malta
        President tal-Konferenza Episkopali

    ✠ CHARLES J. SCICLUNA                                       

        Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta


    [1] Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, par. 66.
    [2] Diskors lill-Uffiċju Internazzjonali Kattoliku tal-Infanzja, 11 ta’ April 2014.