• Matul ix-xahar ta’ Lulju, id-Direttorat tal-Edukazzjoni fis-Segretarjat ghall-Edukazzjoni Nisranija, permezz ta-Kapijiet td-Dipartiment tal-PSD u Guidance, flimkien mal-Youth Workers impjegati mas-Segretarjat, organizza Walk In Service intiż għall-istudenti li spiċċaw il-Ħames sena tal-iskola Sekondarja fl-iskejjel tal-Knisja. Permezz ta’ dan is-servizz, li kien offrut kemm għall-istudenti kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, ingħatat informazzjoni dwar il-possibilitajiet ta’ studju fl-istituzzjonijiet post-sekondarji. L-istudenti setgħu jaħsbu dwar il-karrieri li wieħed jista’ jagħżel, il-kwalifiki neċessarji, kif ukoll liema istituzzjoni edukattiva tista’ tgħin għal dan.

  • L-istess servizz jiġi offrut ukoll mill-Kordinaturi għall-Inklużjoni (INCOs) għal studenti li huma statemented b’LSA fl-iskejjel tal-Knisja. Kull sena f’Jannar, dawn il-Kordinaturi jippublikaw ktejjeb li jiġi mqassam f’kull skola, u anke jikkordinaw laqgħat fl-iskejjel prospettivi li għalihom jattendu kemm il-ġenituri u anke l-istudenti nfushom.

    Dawn l-inizjattivi huma ntiżi lejn edukazzjoni aktar ħolistika, fejn l-edukazzjoni ma tibqax biss sa tmiem il-Ħames sena sekondarja, iżda wkoll wieħed iħares u jipprepara għall-futur. Dan anke biex nimxu id f’id mal-politika nazzjonali biex tiġi mħeġġa aktar il-kultura ta’ studenti li jkomplu l-edukazzjoni terzjarja. Għall-grazzja t’Alla, l-iskejjel tal-Knisja diġa jgawdu minn rati għolja ħafna ta’ studenti li jkomplu jistudjaw wara s-sittax il-sena, u grazzi għall-inizjattivi u l-ġenerożita’ ta’ dawn l-impjegati, fejn anke wħud minnhom daħlu fil-btajjel tas-Sajf,  dan il- kunċett jista’ dejjem jissaħħaħ aktar.

    Bi preparazzjoni għal din l-attivita’ saru kuntatti ma’ entitajiet edukattivi differenti bħall-MCAST, l-Universita’ Ta’ Malta, Youth.inc, fejn l-impjegati tas-Segretarjat sabu sapport mill-kollegi tagħhom.