€617,585 inġabru l-bieraħ waqt l-Open Day fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi organizzata minn Radju RTK biex jinġabru fondi għad-Dar. Din kienet l-ogħla somma li qatt inġabret fl-erbatax-il sena li RTK ilu jagħmel din l-Open Day, f’dawn l-ahhar snin permezz ta’ maratona televiżiva.  Minn filgħodu sa tard bil-lejl, folol kbar ta’ Maltin imlew it-tinda kbira mtella’ apposta fil-parkeġġ tad-Dar. Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, irringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem fl-organizzazzjoni ta’ l-Open Day minn Radju RTK imma l-aktar lill-poplu Malti u Għawdxi, inklużi l-emigranti Maltin li taw għotjiet permezz tal-internet, li għal darb’ohra reġa’ kien tant ġeneruż u solidali mad-Dar tal-Providenza. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha.

Matul il-jum, kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta Dr George Abela; L-iSpeaker tal-Kamra, Dr Louis Galea; il-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi; il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, Dr Joseph Muscat; Mons. Arċisqof Pawl Cremona; l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech u l-Arċisqof Emeritus Mons. Gużeppi Merċieca. Bħala tifkira, kollha ġew ippreżentati bi print ta’ edizzjoni limitata ta’ Debbie Caruana Dingli li tfakkar il-mitt sena mit-twelid tal-fundatur tad-Dar, Mons. Mikiel Azzopardi, li jaħbat fl-10 ta’ Frar 2010.

Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet  sejra sa ftit wara nofs il-lejl meta tħabbret is-somma totali fost ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ volontiera li taw ħinhom għal din l-Open Day. TVM, Education Channel 22, ONE TV, NET TV u Favourite TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegħa.  Matul ix-xandira kien hemm program sħieħ ta’ divertiment permezz ta’ kant minn kantanti ewlenin Maltin, entertainers u baned.

Għall-artiklu, fil-Ġens, fuq l-Open Day organizzata għad-Dar tal-Providenza, għafas fuq il-link: www.il-gensillum.com

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.