• Il-Kurja tal-Arċisqof ippublikat mill-ġdid il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.  L-edizzjoni l-ġdida ġiet ippreżentata lill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. minn Monsinjur Anton Portelli, Segretarju Amministrattiv tal-Kurja. Il-ħtieġa li din il-publikazzjoni terġa tiġi stampata nħasset wara li ma kienx fadal kopji tal-Katekiżmu, u wara li d-domanda għaliha baqgħet persistenti. Saret ukoll reviżjoni tat-test biex din il-publikazzjoni tinkludi l-ortografija l-ġdida tal-lingwa Maltija u l-kwotazzjonijiet mill-aħħar edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti.

    Waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li l-Papa Franġisku qiegħed jinsisti kontinwament fuq l-importanza tal-katekeżi għaliex din hija essenzjali għall-formazzjoni Nisranija. L-Arċisqof saħaq li x-xandir tal-Aħbar it-Tajba huwa mill-aktar meħtieġ u qiegħed fil-qalba tal-ħidma tal-Knisja. L-Arċisqof qal li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika huwa għodda mill-aktar importanti li kull Nisrani għandu jkollu fid-dar biex il-familji Maltin jkunu mħarrġin tajjeb fit-tagħlim Nisrani.

    Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika kien approvat fil-25 ta’ Ġunju 1992 mill-Papa San Ġwanni Pawlu II. F’dik l-okkażjoni l-Papa kien qal: “Il-Katekiżmu għandu postu fit-tradizzjoni tal-Knisja: juri u jwettaq f’sura kateketika l-ħajja u l-għana tal-Knisja. Il-Katekiżmu hu mqassam tajjeb f’għadd ta’ artikli u jwieġeb għal dak li kienu talbu l-Isqfijiet fis-Sinodu, għaliex huwa mera mill-aktar ċara tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, u nkiteb għall-bniedem tallum biex iwassal l-messaġġ Nisrani”.

    Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jista’ jigi ordnat mill-Kurja tal-Arċisqof u qed jiġi offrut bi prezz imnaqqas sal-aħħar ta’ Awwissu 2014.

  • Ritratti: Photocity
    www.photocitymalta.com