• Mons. Victor Grech talab lill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. jirtira minn Delegat tas-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità, u Direttur tal-Caritas Malta. Monsinjur Arċisqof jirringrazzja lil Mons. Victor Grech għall-ħidma siewja fi ħdan il-Knisja f’Malta u s-soċjetà Maltija tul dawn l-aħħar 37 sena, b’mod partikolari li waqqaf l-Aġenzija Caritas u l-Fondazzjonijiet għar-Rijabilitazzjoni ta’ persuni bi problemi tad-droga u vittmi tal-użura.

    L-Arċisqof innomina lil Mons. Charles Cordina bħala Delegat tiegħu għas-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità, u lis-Sur Leonid McKay bħala Direttur Eżekuttiv tal-Caritas Malta.

  • Monsinjur Charles Cordina

  • Mons. Charles Cordina twieled fit-8 ta’ Ġunju 1949, f’Raħal Ġdid. Huwa ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974. Wara l-ordinazzjoni, Mons. Cordina beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi-kappillan fil-Parroċċa ta’ Lourdes, Raħal Ġdid. Fil-31 ta’ Jannar 1979 huwa nħatar kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Luċija u fil-21 ta’ Lulju 1988 inħatar kappillan tal-Parroċċa ta’ San Bastjan, Ħal Qormi. Fl-10 ta’ Ottubru 1995 Mons. Cordina sar Delegat tal-Arċisqof għall-Kleru u fis-6 ta’ Ottubru 2001 ingħata l-kariga ta’ Segretarju Pastorali. Fil-preżent, Mons. Cordina ser jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Pastorali.

    Bħala Delegat tal-Arċisqof għas-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità, Mons. Cordina ser jippromwovi, jikkoordina, janima u jiżviluppa l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali u ta’ karità li hawn fid-Djoċesi. Bosta huma l-entitajiet, fosthom il-Caritas, id-Djar tal-Anzjani, id-Djar tat-tfal, id-Djar tal-persuni b’diżabilità, l-Fondazzjoni Santa Giovanna Antida, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, is-Soċjetà San Vincenz De Paule, il-Moviment Azzjoni Soċjali, il-Kummissjonijiet Djakonija fil-Parroċċi u oħrajn li diġa’ qed jagħtu servizzi utli f’bosta oqsma ta’ ħidma soċjali. Sadanittant, is-Segretarjat ser ikompli jagħraf joħloq inizjattivi ġodda minħabba l-forom ta’ faqar ġdid li kontinwament jinbet fis-soċjetà tagħna.

  • Leonid McKay

  • Leonid McKay huwa mis-Siġġiewi u twieled fis-16 ta’ Novembru 1980. Hu miżżewweġ lil Pauline u għandhom tifel ta’ sentejn.

    Iggradwa mill-Università ta’ Malta fis-Soċjoloġija u kompla b’Masters fil-Politika Soċjali. Għal dawn l-aħħar sentejn kien lecturer l-MCAST fejn fost suġġetti oħra, għallem ir-riċerka.

    Leonid McKay ilu involut fil-Caritas għal dawn l-aħħar disa’ snin fejn il-qasam li speċjalizza fih kien dak tar-riċerka, b’attenzjoni partikolari lejn il-faqar materjali u soċjali. Kien il-moħħ wara diversi studji li ġew ppreżentati lill-Gvern fil-kamp tal-Politika Soċjali.

    L-irwol tiegħu fi ħdan il-Caritas wasslu wkoll barra minn xtutna fejn kien imsejjaħ għal diversi konferenzi mtellgħa minn Caritas Europa bil-kontribut tiegħu fir-riċerka lokali li kienet issir minn żmien għal żmien.

    Illum, bħala d-Direttur Eżekuttiv il-ġdid tal-Caritas Malta, Leonid McKay se jkompli jibni dawk is-servizzi fi ħdan Caritas li jingħataw bla ħlas lis-soċjetà Maltija b’mod partikolari l-qasam tal-abbuż mid-droga, l-użura, il-faqar u l-familji li għaddejjin minn problemi soċjali.