• “Illum nitkellmu fuq il-mudell soċjali tad-diżabilità fejn flok ma naraw id-diżabilità bħala nuqqas, narawha bħala differenza.  L-enfasi tal-mudell soċjali tad-diżabilità hi fuq il-persuna u l-abiltajiet tagħha u mhux fuq in-nuqqas.” Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fl-okkazjoni tal-għoti ta’ trofew lir-rebbieħ u ċertifikati lil dawk kollha li ħadu sehem fil-kompetizzjoni għal disinn ta’ logo ġdid.  

    Huwa żied jgħid li llum nisħqu li l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità tista’ titjieb biss jekk tinbidel l-attitudni tas-soċjetà u mhux jekk l-individwu jbiddel lilu nnifsu. Huwa għalhekk li llum naċċettaw il-fatt li m’għandna l-ebda dritt li niddominaw il-ħajja ta’ persuna b’diżabilità bid-deċiżjonijiet tagħna – il-persuna b’diżabilità għandha kull dritt li tgħid x’tixtieq u x’taħseb li hu l-aħjar għaliha u dawn ix-xewqat għandhom jiġu rispettati. Fr Martin qal li jemmen li l-logo il-ġdid jirrifletti dan u xtaq jifraħ lis-Sur Sean Cini li rnexxielu joħroġ dan kollu fid-disinn frisk tiegħu. Dan il-logo ġdid beda jintuża flok il-logo l-ieħor għaliex kien logo li jirrifletti l-mentalità ta’ kif is-soċjetà ta’ ħamsin sena ilu kienet tħares lejn il-persuni b’diżabilità. 

    Is-Sur Cini ngħata Trofew għad-disinn il-ġdid tiegħu għad-Dar tal-Providenza. It-tmienja w erbgħin parteċipant fil-kompetizzjoni ingħataw Ċertifikat ta’ Parteċipazzjoni minn Mons Arċisqof Pawlu Cremona OP f’attività li saret fid-Dar stess fis-Siġġiewi. Fis-26 ta’ Settembru 2013 id-Dar tal-Providenza kienet għamlet sejħa għal disinn ta’ logo ġdid li jirrifletti il-Viżjoni, il-Missjoni u l-Valuri tagħha in konnessjoni mat-tħejjijiet li qed isiru biex is-sena ddieħla jitfakkru l-50 sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza minn Mons Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965.

    F’messaġġ qasir, Monsinjur Arċisqof qal li l-Knisja permezz tad-Dar tal-Providenza rat li l-persuni b’diżabilità f’pajjiżna jinħarġu fil-beraħ mill-kantini li bosta minnhom kienu jinżammu fihom. Illum aktar qed niffokaw fuq l-abbiltà ta’ dawn il-persuni milli fuq id-diżabilità tagħhom.

    Sean Cini, li għandu 26 sena, huwa artist żagħżugħ b’talent frisk u promettenti ħafna fl-Arti Viżwali u Disinn Grafiku. Huwa jispeċjalizza f’xogħlijiet tal-arti semi-astratti u espressjonisti. Ix-xogħlijiet tiegħu li huwa jiżviluppa fuq diversi mezzi artistiċi joħorġu diversi emozzjonijiet u espressjonijiet l-aktar fil-movimenti differenti tal-figura tal-bniedem. Illum il-ġurnata, Sean jaħdem fid-Dipartiment tal-Marketing tal-MaltaPost bħala Graphic Designer.