Talb għas-Sinodu tal-Isqfijiet - Stqarrija tal-Konferenza Episkopali Maltija

  • Fi ftit ġimgħat oħra, Isqfijiet minn madwar id-dinja kollha ser jiltaqgħu Ruma għas-Sinodu Straordinarju dwar ‘L-isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-evanġeliżazzjoni’, li ser isir bejn il-5 u d-19 ta’ Ottubru li ġej. Dan ser ikun mument qawwi għall-Knisja kollha u għaldaqstant kull Nisrani hu msejjaħ biex jissieħeb u jagħti sehmu. Peress li fuq kollox din il-laqgħa

    tal-Isqfijiet ser tkun mument qawwi ta’ talb, il-Papa Franġisku qed iħeġġeġ biex nhar il-Ħadd 28 ta’ Settembru 2014, l-Insara tad-dinja kollha jingħaqdu qalb waħda u ruħ waħda fit-talb bi tħejjija għal dan is-Sinodu. Ilkoll għandna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jdawwal il-qlub tar-ragħajja tal-Knisja sabiex il-Vanġelu tal-Familja jerġa’ jinstema’ bħala ‘b’xara tajba’ għall-bnedmin kollha fi żminijiet fejn il-familja tinsab għaddejja minn bosta diffikultajiet.

    Għalhekk, inħeġġu lill-Insara tal-gżejjer tagħna biex ningħaqdu flimkien u nagħmlu talba ħerqana lil Alla ħalli bħala Knisja nkunu nistgħu nwieġbu għall-isfidi pastorali li qed jiltaqgħu magħhom il-familji fi żmienna. Inħeġġu sabiex fil-komunitajiet parrokkjali u fid-djar tagħna, kemm nhar it-28 ta’ Settembru kif ukoll fil-ġranet ta’ qabel u ta’ waqt is-Sinodu, tingħad it-talba annessa li l-Papa kiteb lill-Familja Mqaddsa u jsir talb speċjali għal din il-laqgħa. Ikkunsidrat li x-xahar ta’ Ottubru huwa x-xahar tar-Rużarju, inħeġġu lill-Insara, partikularment lill-familji, biex jgħidu t-talba tar-Rużarju.

    Nitolbu għalhekk bl-interċessjoni tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, sabiex dan is-Sinodu jkun mument ta’ grazzja u tiġdid għall-Knisja u għall-familji tad-dinja kollha.
     
    MARIO GRECH                                                     PAWLU CREMONA O.P.
        Isqof ta’ Għawdex                                                    Arċisqof ta’ Malta
        President tal-Konferenza Episkopali
     
    CHARLES J. SCICLUNA                                      
        Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta

    TALBA LILL-FAMILJA MQADDSA GĦAS-SINODU TAL-ISQFIJIET DWAR IL-FAMILJA

     
    Ġesù, Marija, Ġużeppi,
    Fikom aħna nikkontemplaw
    il-ġmiel tal-imħabba vera,
    lejkom induru b’fiduċja sħiħa.
     
    Familja Mqaddsa ta’ Nazaret
    Agħmel li l-familji tagħna
    Jkunu mkejjen ta’ għaqda u ċenakli ta’ talb,
    Skejjel veri tal-Evanġelju,
    U knejjes żgħar fid-djar tagħna.
     
    Familja Mqaddsa ta’ Nazaret
    Żomm bogħod mill-familji tagħna
    kull vjolenza, rifjut u firdiet:
    u agħmel li dawk li sfaw mweġġgħin jew skandalizzati,
    isibu faraġ u fejqan.
     
    Familja Mqaddsa ta’ Nazaret
    Għin lis-Sinodu tal-isqfijiet li ser jiltaqa’
    biex jerġa’ jfakkarna fil-qdusija, fil-ħarsien bla mittiefes tal-familja,
    u fis-sbuħija tagħha skont il-pjan ta’ Alla.
     
    Ġesù, Marija, Ġużeppi,
    Isimgħu u ilqgħu din it-talba tagħna.
    Ammen.

  • Agħfas hawn biex tniżżel it-Talb tal-Fidili għas-Sinodu tal-Isqfijiet