• Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-xogħol tixtieq ittenni l-ħsieb f’waqtu li Mons. Arċisqof Pawlu Cremona O.P. għamel fl-okkażjoni tal-Festa Nazzjonali tal-Vitorja ta’ din is-sena.

    Mons. Arċisqof f’dan il-Jum Nazzjonali semma u kkummenta fuq ir-realtà tax-xogħol meta qal: ‘F’pajjiż żgħir bħal tagħna jista’ faċilment jiġri li l-avvanz ekonomiku mhux dejjem ikun ta’ ġid għall-iżvilupp ħolistiku tal-pajjiż. Jekk tiġi maħnuqa l-inizjattiva u l-ħidma tal-intrapriżi żgħar u medji minn dawk li huma msejħa l-ġganti tat-tkabbir ekonomiku, għada pitgħada dan jista’ jkun ta’ detriment għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk inħoss li għandna ninkoraġġixxu u nsaħħu l-intrapriżi żgħar u medji f‘pajjiżna.’

    Dan id-diskors ġie milqugħ tajjeb u ġibed l-interess tal-media. Issa mill-media imiss li min hu involut fil-qasam tax-xogħol iżomm f’moħħu dan il-kliem fil-ħidma tiegħu għall-ġid tal-pajjiż. Ħasra li diskorsi bħal dawn jixxandru għal ftit jiem imma ma jintużawx fil-pjanijiet u t-tfassil tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Il-Kummissjoni tfakkar kemm il-Knisja, u llum il-Knisja f’Malta permezz ta’ Mons. Arċisqof, twassal messaġġi li jgħinu fit-tfassil soċjali fid-dinja tax-xogħol.

    Ħafna mill-kumpaniji Maltin inqisuhom medji u żgħar jekk mhux ukoll ‘micro’, u f’Malta nsibu wkoll in-negozji tal-familja li huma ta’ kull kategorija varja. Bil-globalizzazzjoni u bl-għaqda Ewropea dawn iridu jikkompetu mal-‘ġganti’, u għalhekk faċilment jisparixxu. Ta’ min jinnota li meta ngħidu intrapriżi żgħar ifisser li jħaddmu 50 ruħ, medja jħaddmu 250 ruħ u dawk imsejħa intrapriżi ‘micro’ jħaddmu għaxra min-nies. Il-gvern tal-lum u tal-bieraħ dejjem ħadem għall-opportunitajiet għal kulħadd, imma l-Arċisqof fid-diskors tiegħu tal-Vitorja reġa’ fakkarna f’dak li hu kien qal fil-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem 2011, fejn qal : ‘F’dawn id-dokumenti (dokumenti soċjali tal-Papa Qaddis Ġwanni Pawlu II) il-Papa fetaħ għajnejn id-dinja wkoll fuq il-Kapitaliżmu Liberali, is-sistema fejn il-qliegħ, il-liġi tas-suq, huma l-ikbar valur u allura d-dinjità tal-bniedem bħala ħaddiem tiġi suġġetta għall-qliegħ. Ovvjament dan kollu rajnieh fil-kriżi finanzjarja globali fejn ir-regħba għall-qliegħ tal-istituzzjonijiet finanzjarji waslet għal tant tbatija.

    Dan iġegħelna naħsbu fuq il-valur tal-inizjattiva; li mhux bilfors jitqies bil-‘valur’ tal-qliegħ, li jieħdu individwi fejn joħolqu intrapriżi żgħar u għalhekk għandhom jiġu megħjuna biex jikkompetu mal-intrapriżi kbar li jistgħu jkaxkru kull inizjattiva żgħira li ssir b’sagrifiċċji kbar. Malta żgħira, il-Malti huwa limitat imqabbel mal-pajjiżi kbar, u dan għandna nżommuh f’moħħna u nfehmuh lill-kbar li għandna jkollna s-sapport fit-tellieqa tas-suq ħieles.

    Fl-okkażjoni ta’ San Ġużepp Ħaddiem 2011, Mons. Arċisqof kien qal li ‘mid-deċiżjonijiet li jieħu, il-bniedem għandu r-responsabilità tal-effetti tagħhom’. Il-Kummissjoni tifhem li mid-deċiżjonijiet li jittieħdu jew ma jittiħdux f’dan il-qasam, jolqot kumpaniji żgħar, u b’dan nistgħu ntellfu jew niskoraġġixxu dawk l-inizjattivi li jieħdu biex jinħolqu dawn l-intrapriżi. Id-deċiżjonijiet li nieħdu, jekk inħarsu lejn il-profitt biss, jistgħu jbatu intrapriżi lokali u tradizzjonali li għandna.

    Smajna li għall-Budget 2015 ġie suġġerit li għandu jiġi mħares id-dritt tal-kompettitività, u dawn l-intrapriżi jiġu megħjuna f’din il-kompetittività u jiġu mħarsa elementi li jaffettwaw bħal enerġija, trasport, pagi (labour cost). Fil-ġirja tal-kompetizzjoni naqblu li l-imprenditur lokali għandu jiġi megħjun u nkorraġit aktar fil-ħidma tiegħu.

    Mons. Arċisqof, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem ta’ sentejn ilu, kien qal hekk: ‘Li jiġri huwa li x-xogħol fih innifsu, it-teknoloġija u l-qliegħ isiru aktar importanti mill-bniedem’. L-Arċisqof, fil-Vitorja ta’ din is-sena, ikompli ma’ dan il-ħsieb ta’ sentejn ilu: ‘Meta l-qliegħ u t-teknoloġija nagħtuhom aktar importanza mill-bniedem allura huwa l-istess bniedem li jbati, l-aktar iż-żgħir’. Dan il-kliem jgħodd ukoll għall-intrapriżi żgħar u medji. L-intrapriżi żgħar li għandna Malta huma ta’ utilità kbira għall-ekonomija tagħna u fiċ-ċokon tagħhom qegħdin joħolqu kumpaniji żgħar li fil-prodott u servizz huma tal-livell tal-kumpaniji l-kbar.

    Il-Kummissjoni, flimkien mal-Arċisqof, tifhem li meta intrapriżi żgħar mhumiex se jiġu megħjuna u mħarsa, hija l-ekonomija Maltija li tbati; u pajjiżna jiddependi ħafna minn din il-kwalità ta’ kumpaniji żgħar. Meta ngħidu l-ekonomija tbati, qed ngħidu li nitilfu l-inizjattivi u niskoraġġixxu dan is-sogru li wieħed jieħu biex jibda negozju żgħir. Ma ninsewx il-ħaddiema f’dawn il-kumpaniji għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-miżuri li jittieħdu, kemm tajbin u kemm ħżiena, jaffettwaw lilhom.

    Fil-messaġġ ta’ Mons. Arċisqof f’Jum San Ġużepp Ħaddiem 2014, huwa tkellem fuq is-solidarjetà u qal hekk: ‘Alla l-Imbierek irid ukoll li s-solidarjetà ma tiqafx ma dawk li nafu’. Importanti li fil-qasam ekonomiku nkunu nafu s-sitwazzjoni tad-dinja tax-xogħol, importanti li nisimgħu lill-imprendituri ż-żgħar u nilqgħu s-suġġerimenti tagħhom. Solidarjetà li tiġi minn dak li qal il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għall-103 sessjoni tal-ILO li saret f’Mejju ta’ din is-sena. Il-Papa Franġisku apprezza l-kontribuzzjoni li ssir biex ikun hemm koperazzjoni bejn il-gvern, min iħaddem u min jaħdem.