• Konkatridral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    21 ta’ Settembru 2014

    Din is-sena, iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza tieħu valur partikulari għax qegħdin niċċelebraw il-ħamsin sena minn mindu l-Poplu tagħna ħa f’idejh it-tmexxija ta’ pajjiżu. Hu unur għall-Poplu tagħna li minn mindu beda jmexxi lilu nnifsu għamel passi ta’ ġgant. Ta’ dan nirringrazzjaw ‘l Alla, kif nirringrazzjawH ukoll għall-fatt li Malta ħadet l-indipendenza mingħajr tixrid ta’ demm.

    Bħala pajjiż indipendenti, aktar tard, stajna nagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea. Allavolja pajjiżna żgħir, qed jagħti l-kontribut tiegħu f’din l-Unjoni. Bl-Indipendenza, sirna aktar konxji tal-eredità tagħna, tar-rikkezzi li għandna f’pajjiżna. Ejjew inħarsu dan il-wirt Nazzjonali waqt li naqsmu r-realtà tagħna mall-pajjiżi l-oħra Ewropej. Nibżgħu għall-Ilsien Malti, għall-wirt storiku u arkeoloġiku tagħna, u għar-reliġjon Nisranija, wirt li dejjem għożżew missirijietna u ssieltu għall-ħarsien tiegħu.

    Nifirħu u niftaħru li bil-għaqal tagħna u bil-għajuna t’Alla, pajjiżna llum jiġi magħdud mal-pajjiżi l-aktar żviluppati fid-dinja skont il-kriterji tal-‘United Nations Development Programme’. Din il-prosperità li qed igawdi pajjiżna, ġġegħelna nħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu u b’tama, hekk li, jekk Alla jrid, ħamsin sena oħra nkunu nistgħu ngħidu li mxejna aktar ’il quddiem.

    Ġimagħtejn ilu, fl-okkażjoni tal-Festa tal-Vitorja, jien appellajt għall-għaqda nazzjonali li tinbena fuq il-ġustizzja, is-solidarjetà u s-sussidjarjetà. Filwaqt li ntenni li jekk ma nkunux ħaġa waħda ma nistgħux nimxu ’l quddiem, nemmen ukoll li l-fedeltà tal-Poplu tagħna lejn it-twemmin reliġjuż tiegħu hija s-sisien tal-għaqda tal-Poplu u tal-progress li rnexxielu jilħaq. Għalhekk, mal-għaqda nazzjonali nappella wkoll biex il-Poplu tagħna jibqa’ fidil lejn it-twemmin tiegħu.

    L-Indipendenza tatna l-libertà li konna neħtieġu biex inkunu nistgħu nimxu ’l quddiem. Imma l-indipendenza ma tfissirx iżolament. Sa mill-bidu tal-Indipendenza tagħna, pajjiżna fittex li jibni relazzjonijiet diplomatiċi u kummerċjali ma’ pajjiżi oħra. Indunajna kmieni li aħna, minħabba ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet tar-riżorsi ekonomiċi ta’ pajjiżna, ma nistgħux nimxu ’l quddiem waħedna. Ir-relazzjoni, min-natura tagħha, titlob interdipendenza. F’relazzjoni trid tieħu u tati, għax jekk tkun min-naħa waħda biss, ma tkun relazzjoni xejn, u tkun qed tati lok għall-periklu ta’ ħakma ġdida, din id-darba mhux politika, imma ekonomika. Nirringrazzjaw lil Alla wkoll li f’dawn ir-relazzjonijiet bqajna nżommu l-indipendenza tagħna anke fuq livell ekonomiku. Din l-interdipendenza ma’ pajjiżi oħra kemm fil-bogħod, kif ukoll ġirien tagħna, waslitna biex nimpenjaw ruħna ħalli nikkolaboraw ma’ pajjiżi oħra għall-ġid ta’ kulħadd. It-triq ’il quddiem tfisser aktar ftuħ għall-kollaborazzjoni, wkoll lil hinn mill-Unjoni Ewropea, u għal interdipendenza aktar wiesgħa.

    F’isem din l-interdipendenza, nixtieq nappella għall-għajnuna li hemm bżonn tingħata lill-popli li bħalissa għaddejjin minn tbatija kbira. Għexieren ta’ eluf ta’ nies qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom, fosthom dak taċ-ċittadinanza, u qed jiġu mkeċċija minn art twelidhom, jew ikollhom jaħarbu għax ħajjithom qed tiġi mhedda. Daqstant ieħor, eluf ta’ nies qed ikollhom iħallu lil pajjiżhom għax minħabba l-faqar li jgħixu fih, ma jarawx futur għalihom u għal uliedhom. Dawn ħutna saħansitra jippreferu jaqsmu d-deżert u l-baħar b’sogru kbir għal ħajjithom, milli jibqgħu f’dik is-sitwazzjoni ta’ mizerja,
    bit-tama li jsibu futur aħjar f’pajjiż ferm aktar żviluppat minn tagħhom. Naraw fostna familji sħaħ li għamlu dan bit-tama li jsibu futur aħjar.

    Nerġa’ ndur lejn Malta. Minkejja l-iżvilupp li qed igawdi pajjiżna, għad hawn persuni li mhux qed ilaħħqu mal-pass ta’ dan l-iżvilupp. Fiż-żjarat pastorali tiegħi mort f’numru ta’ skejjel u ltqajt mal-istudenti u l-għalliema tagħhom. Diversi għalliema qaluli li huma mistagħġbin bin-numru ta’ tfal li jibqgħu lura fl-iskola għax huma emozzjonalment jew soċjalment ‘deprived’. Tfajla qalet li tirrikorri għas-‘self-harm’ għaliex il-weġgħa fil-ġisem tkun ferm inqas mil-weġgħa emozzjonali. Insemmu wkoll iż-żieda fost iż-żgħażagħ fl-użu tal-alkoħol u d-droga, u n-numru ta’ tfajliet li joħorġu tqal b’konsegwenzi serji għall-futur tagħhom u ta’ wliedhom. Mingħalihom li qed jagħmlu dan għax huma liberi, u ma jindunawx li qegħdin jgħakksu lilhom infushom. Il-persuna umana hija libera u indipendenti għax għandha għerf biżżejjed biex tagħżel dawk il-valuri li jagħmlu ġid lilha u lis-soċjetà ta’ madwarha. Għalhekk il-libertà personali ma tfissirx li tinfired mill-oħrajn. Il-bniedem ma jistax ifittex biss l-interessi tiegħu u jinsa lil dawk ta’ madwaru. Il-bnedmin iridu jingħaqdu biex ifittxu l-ġid tagħhom flimkien.

    Bħala Poplu matur li qed jgħix f’pajjiż żviluppat, u bħala Nsara, ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal dak li qed jiġri madwarna u nsoddu widnejna għall-għajta tal-ħniena ta’ dawn il-bnedmin ħutna, kemm f’pajjiżna, kif ukoll barra minn Malta.

    Nibda b’dawk li qed ikollhom jiġu mkeċċija minn arthom jew ikollhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-persekuzzjoni. F’isem l-interdipendenza, hawn nixtieq nistaqsi bl-umiltà kollha: x’qed tagħmel l-Unjoni Ewropea u x’qed jagħmel pajjiżna fil-fora internazzjonali biex l-problema ta’ dawk li qed jiġu ppersegwitati u mkeċċija minn pajjiżhom tiġi affrontata konkretament u adegwatament. Għax m’għandux ikun li pajjiżna, pajjiż nisrani, isemma’ leħnu kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm f’fora oħra internazzjonali biex il-karba ta’ dawn in-nies tiġi mismugħa u jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali tagħhom? Din hi karba ferm differenti mill-karba ġusta li Pajjiżna spiss jagħmel, li ċ-ċokon tagħna ma jiflaħx għan-numru kbir ta’ emigranti li jsibu ruħhom fostna.

    B’referenza għal dawk li qed jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-faqar u l-miżerja biex ifittxu futur aħjar għalihom u għal uliedhom, pajjiżna mpenja ruħu biex lil dawn ħutna ma jħallihomx imutu mgħarrqa fl-ibħra ta’ madwarna, u meta jilħqu x-xtut tagħna jipprovdilhom dak li hu bażiku għall-għajxien tagħhom. Dan qed isir ukoll minn pajjiżi ġirien tagħna u akbar minna. F’isem din l-interdipendenza, u f’isem Alla tal-Ħniena, nixtieq nuri

    l-apprezzament tiegħi lejn dawk kollha li fuq livell politiku u soċjali qed jagħmlu minn kollox biex joffru lil dawn ħutna opportunitajiet ħalli jassiguraw futur aħjar għalihom u għal uliedom. Fuq livell personali nappella biex bħala Nsara nirrispettaw id-dinjità umana ta’ dawn ħutna. Dawn huma wlied Alla daqs kull wieħed u waħda minna li twelidna f’dan il-pajjiż ħieles. Ejjew inħarsu rwieħna minn kull forma ta’ diskriminazzjoni minħabba l-kulur tal-ġilda, il-pajjiż minn fejn ġejjin, jew ir-reliġjon. Id-diskriminazzjoni tmur kontra l-valuri tal-Vanġelu u tweġġgħa l-qalb t’Alla! Fil-laqgħat li kelli ma’ dawn ħutna, dejjem urewni l-apprezzament tagħhom għal dawk il-Maltin li jitrattawhom bħal ħuthom, indaqs fid-dinjità tagħhom.

    Niġi għal dawk li, minkejja l-progress li sar, qed ibatu f’pajjiżna, speċjalment dawk li qed jibqgħu lura minħabba problemi emozzjonali u soċjali. L-għajnuna istituzzjonali hija indispensabbli u naħseb li diġà qed isir ħafna fuq dan il-livell, għalkemm dejjem hemm lok biex dawn is-servizzi ikunu aħjar. Imma nixtieq nappella għall-appoġġ fuq livell personali. Jien ċert li jekk dawn ħutna li jkunu għaddejjin minn dawn il-problemi jsibu min iħobbhom u jieqaf magħhom b’mod mill-aktar ġeneruż u disinteressat, ikun qed jgħinhom daqskemm tgħinhom l-għajnuna professjonali li jeħtieġu. Inħeġġeġ lill-Insara ħuti biex jagħmlu dan. Din ukoll hi interdipendenza.

    Ejjew, bil-għajnuna t’Alla, nersqu aktar lejn xulxin, personalment, soċjalment, politikament u fuq livell internazzjonali, biex il-ħamsin sena li ġejjin ikunu aħjar minn dawk li għadhom kemm għaddew. Aħna li qed ingawdu l-frott ta’ Poplu indipendenti, ningħaqdu bejnietna għall-ġid ta’ kulħadd, Maltin u dawk li jgħixu lil hinn minn xtutna, għax aħna lkoll ulied Alla.

      Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta