L-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali

  • L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (IFP) twaqqaf bħala risposta għas-sejħa li ħarġet mis-Sinodu Djoċesan sabiex tiġi promossa u kkoordinata waħda mill-ikbar sfidi li għandha quddiemha l-Knisja f’Malta: dik li tipprepara nsara għall-ħtiġijiet veri tar-realta’ soċjali kif inhi llum.

    L-IFP huwa sinjal ċar li l-Knisja trid offri wkoll attenzjoni għal spazji formattivi ma’ dawk il-kategoriji u gruppi fis-soċjeta’ li jħossu l-ħtieġa li fit-twettiq tal-ħidma jew tal-professjoni tagħhom jagħmlu konfront kontinwu u profond mal-messaġġ ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu.

    Il-Knisja f’Malta , fil-ħidma tagħha ta’ evanġelizzazzjoni, tagħraf bħala impenn urġenti l-formazzjoni tal-membri tagħha.  Is-sejħa li ħarġet mis-Sinodu Djoċesan turi biċ-ċar waħda mill-ikbar sfidi li għandha quddiemha l-Knisja f’Malta bħalissa: dik li tipprepara nsara għall-ħtigijiet veri tar-realtà soċjali kif inhi llum.

    Fid-dawl tas-Sinodu, il-Knisja trid toffri wkoll attenzjoni għal spazji formattivi ma’ dawk il-kategoriji u gruppi fis-soċjetà li, għalkemm mhumiex direttament impenjati pastoralment, iħossu l-ħtieġa li fit-twettiq tal-ħidma jew tal-professjoni tagħhom jagħmlu konfront kontinwu u profond mal-messaġġ ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu.
     
  • Tel

    21233304; 22039513


  • Mobile

    79313213

  • Facebook Page

  • Direttur

    Rev. Dr Jimmy Bonnici


  • Membri

    Rev. Dr Joe Galea Curmi S.Th.D.
    Rev. Dr Mark Sultana
    Prof. Adrian Gellel D.Sc.Ed.
    Sr Marie Scicluna RCSJ
    ​Dr Nadia Delicata Ph.D.
    Ms Mariella Catania M.A.


  • Segretarja

    Ms Deborah Meli B.A. Hons.


  • Għan

    L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (IFP) għalhekk għandu l-għan ewlieni li jipprovdi formazzjoni ħolistika kif meħtiega lill-membri kollha tal-komunità kattolika f’Malta. Fl-isforz sabiex tissaħħaħ l-identità ta’ din il-komunità ta’ aħwa, l-Istitut irid: joffri opportunitajiet ta’ (a) formazzjoni permanenti, u (b) ta’ esperjenzi spiritwali; (ċ) jippromwovi l-formazzjoni professjonali ta’ l-operaturi pastorali għat-twettiq tal-ministeri u tal-ħidmiet tagħhom; (d) kif ukoll jipprovdi esperjenzi ta’ djalogu mas-soċjetà Maltija.
     

    Objettivi

    L-IFP huwa istituzzjoni fejn il-persuni, u, indirettament, il-komunitajiet li huma jifformaw, isibu l-għajnuna meħtieġa li permezz tagħha jintlaħaq dejjem iktar il-bżonn li:
      • jkunu megħjuna sabiex jimmaturaw fl-għerf, mill-aspett tal-qalb, mill-aspett tal-moħħ u mill-aspett tar-ruħ;
      • tinbena l-identità tagħhom bħala membri tal-komunità kattolika Maltija;
      • jikbru fl-għarfien  tas-sejħa li Alla jagħmlilhom u għalhekk jikbru fl-għarfien tar-responsabbiltà li għandhom quddiem l-opportunitajiet li qed joffru ż-żminijiet ta’ llum;
      • jikbru quddiem l-isfida li jgħixu u jipprattikaw il-Kmandament ta’ l-Imħabba;
      • jidħlu iktar fil-fond tas-sbuħija li ġġib magħha s-sejħa tal-fidi;
      • jiddjalogaw ma’ l-isfidi li l-kultura u l-mod ta’ ħsieb illum qed joffrulhom;
      • jiżviluppaw dak it-taħriġ neċessarju u jagħrfu modi ġodda ta’ azzjoni li permezz tagħhom, bħala persuni nsara, jemmnu li jistgħu jagħtu kontribut permezz ta’ l-azzjoni ministerjali li għaliha jħossuhom imsejħa;
      • jagħrfu lilhom infushom bħala l-magħżula u l-maħbuba tal-Ħallieq, mibgħuta biex jixhdu lil Kristu Rxoxt,  li jwassal għall-Ħajja bil-kotra fil-ħajja personali, komunitarja u soċjali tagħhom.
     

    Kif jintlaħaq

    Biex ikun hemm akkumpanjament li fih il-persuna li għamlet l-għażla tal-fidi tigi megħjuna timmatura fl-impenn u fil-kontribut tagħha fi ħdan il-Knisja (u hekk ukoll fis-soċjetà), l-IFP għandu l-għan li jipprovdi mumenti ta’ formazzjoni sħiħa (ħolistika).
    Mill-esperjenza tas-Sinodu ħareġ ċar il-bżonn li l-IFP:
      • jfassal proġett komuni ta’ formazzjoni għall-Knisja f’Malta;
      • joffri mixja mibnija u msaħħa fuq id-dimensjoni biblika, teoloġika, spiritwali, morali, pastorali u umana;
      • jiżviluppa proġett aktar speċifku li jħaddan fih opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ fuq livell ġenerali u fuq livelli iktar speċjalizzati;
      • joffri esperjenzi ta’ approfondiment spiritwali bħala s-sinsla tal-mixja tad-dixxiplu wara Kristu;
      • jmexxi lejn direzzjoni koordinata il-korsijiet li diġà qed jsiru fi ħdan is-Segretarjati u l-Kummissjonijiet Djoċesani biex titwettaq il-viżjoni ta’ proġett koordinat skond il-ħtiġijiet ta’ l-Arċidjoċesi;
      • f’kooperazzjoni ma’ aġenziji oħra, jidentifika ħidmiet speċifiċi fil-Knisja u jifli x’kompetenzi, tagħlim u mezzi huma meħtieġa għal dawn il-ħidmiet;
      • jikkoopera ma’ aġenziji tad-Djoċesi u oħrajn biex jilħaq il-bżonnijiet formattivi tagħhom;
      • sa fejn jista’ jagħmel użu mir-riżorsi li diġà jeżistu, e.g. Fakultà tat-Teoloġija, Inserm, Istituti ta’ Spiritwalità fi ħdan l-Ordnijiet Reliġjużi, b’mod li l-kontribut ta’ dawn ikun ta’ għajnuna għat-twettiq ta’ l-għan ta’ l-IFP u biex ħidmiet ma jiġux idduplikati bla bżonn;
      • jiġi mnebbaħ mid-Dokumenti tas-Sinodu, mill-ħtiġijiet tal-Parroċċi, mill-bżonnijiet tas-Segretarjati u tal-Kummissjonijiet u mill-Pjan Pastorali kurrenti;
      • jagħti ċertifikazzjoni għall-korsijiet ta’ formazzjoni pastorali;
      • jipprepara skema ta’ livelli u ta’ standards għall-korsijiet differenti;
      • jara u jiċċertifika li livelli, kontenuti u metodoloġija tal-korsijiet li huma mogħtija fi ħdan id-Djoċesi huma ta’ standards tajbin.
     

    Qafas

    L-IFP:
      • huwa entità fi ħdan is-Segreterija Pastorali;
      • ikun immexxi minn Direttur / Direttriċi, maħtur/a mill-Arċisqof għal żmien determinat, megħjun/a minn Segretarju/a Amministrattiv/a;
      • jkollu Bord maħtur mill-Arċisqof li, flimkien mad-Direttur / Direttriċi, ikun responsabbli mill-policies u programmi ta’ l-IFP;
      • Il-Bord jista’ jwaqqaf sotto-kumitati biex jgħinuh fit-tmexxija u l-auditing tal-Korsijiet;
      • jidentifika nies kwalifikati f’setturi varji, sabiex bil-kontribut tagħhom jgħinu fit-twettiq tal-viżjoni ta’ l-IFP;
      • jkollu uffiċċju ċentrali fl-Istitut Kattoliku, Floriana;
      • fl-istess waqt, jaħdem ukoll permezz ta’ ċentri fuq bażi distrettwali u unitajiet pastorali.
     

    Proposta Formattiva

    L-IFP huwa msejjaħ biex:
      • jidentifika l-korsijiet u jagħmel proposti formattivi li jpoġġu fil-prattika l-proġett komuni ta’ formazzjoni;
      • jħejji prospectus tal-programm formattiv tas-sena illi fih tingħata deskrizzjoni ta’ kull kors u proposta formattiva;
      • joffri informazzjoni dwar korsijiet u esperjenzi utli għall-għan tiegħu li diġà qed jiġu offruti bħalissa: min qed joffrihom, fejn qed isiru, l-għan ewlieni tagħhom;
      • jara esperjenzi ta’ Istituti ta’ taħriġ pastorali barra minn Malta;
      • jipproponi u /jew jorganizza esperjenzi fuq livell ta’ unità pastorali, djoċesana jew nazzjonali li jwasslu għad-djalogu mas-soċjetà aktar wiesa’;
      • jistudja l-possibbiltà li jiġu tradotti u addattati għall-Malti sussidji utli li diġà qed jiġu użati b’suċċess barra minn Malta.
  • Kif bdejna – L-esperjenza tagħna

    Il-ħsieb biex jissawwar l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali bdiet tinħema fis-Sinodu Djoċesan. Matul is-sinodu, diversi gruppi wrew ix-xewqa tagħhom dwar il-ħtieġa ta’ Istitut li jippromwovi u jikkordina diversi esperjenzi ta’ formazzjoni fil-Knisja.
    L-Istitut ta’ Formazzjoni qiegħed hemm biex ikun ta’ servizz meta tinħass il-ħtieġa. L-istitut jixtieq ħafna li jkun preżenti u jagħti sehmu meta jkun mitlub, filwaqt li jirrispetta d-diversi kariżmi li hawn fil-Knisja permezz ta’ gruppi u għaqdiet, għax aħna nemmnu li huwa biss meta wieħed jirrispetta d-diversita’ u s-sbuħija ta’ dawn il-gruppi, li dawn jistgħu jikbru.
    Il-futur tal-Knisja ta’ Malta huwa issa u llum! Aħna npoġġu l-enerġiji tagħna flimkien, ngħinu lil xulxin fil-ħolm u t-tamiet tagħna.
    Ix-xewqa tagħna hi li nkomplu nixmu f’din it-triq ta’ kollaborazzjoni, ta’ dispożizzjoni fraterna, li naraw u niffaċċjaw l-isfidi li hemm quddiemna u bil-ħsieb f’moħħna li dak li qed niżirgħu llum hu dak li se jaħsdu l-ġenerazzjonijiet futuri.
  •