• Kappella tal-Universita, L-Imsida,
    5 ta’ Awwissu 2014

    Naħseb li meta għażiltu l-lezzjoni tal-lum minn Ġeremija qagħdtu attenti li jisemmew il-kelmiet: ‘għanja ta’ radd il-ħajr u għanja ta’ ferħ’ (Ġer 30, 19). Il-motto tagħkom huwa heart and soul, imma heart and soul li tiddeskrivi ruħha f’radd ta’ ħajr u ferħ.

    Jiena llum għamilt din il-mistoqsija: imma n-nisrani għaliex għandu jgħanni għanja ta’ ferħ u għanja ta’ radd il-ħajr? Fil-lezzjonijiet tal-lum rajt xi affarijiet li forsi jistgħu jgħinuna. U se naqsamhom magħkom.
    L-ewwel ħaġa li qal Ġesu fil-Vanġelu tal-lum huwa dwar l-qawwa kbira li għandna ġo fina nfusna. Il-Fariżej kienu iktar moħhom li jkunu ndaf, li l-utensili li jużaw ikunu nodfa u kienu jibqgħu fuq il-qoxra. Ġie Ġesu u qalilhom: imma għaliex intom tħarsu biss lejn l-affarijiet li huma fil-qoxra? Ħarsu ġewwa fikom għax minn hemmhekk joħroġ it-tajjeb u joħroġ il-ħażin. Fil-fatt huwa jgħid mhux dak li jidħol fil-bniedem jagħmlu ħażin għax dak jintrema, imma dak li joħroġ mill-bniedem, għax mill-bniedem joħorġu affarjiet sbieh, imma joħorġu affarijiet mhux sbieh.

    Din hija l-ewwel raġuni li għalija rridu nrringrazzjaw lill-Mulej. Grazzi, Mulej talli tajtna moħħ li kapaċi l-għemejjel tiegħu imexxihom hu. L-annimali jimxew bl-istinti; il-bniedem kapaċi jagħżel, u din hija l-qawwa li tah il-Mulej biex ikun jixbħu. Per eżempju, naħseb kieku bqajtu fuq l-istinti tagħkom, kieku qegħdin f’xi post mhux fis-sħana, u mhux tagħmlu dan l-isforz kollu. Imma għaliex il-moħħ tagħkom hu iktar qawwi minn dak li huwa purament istint, intom rajtu l-ferħ li tkantaw flimkien, rajtu l-bżonn ta’ dawk li sejrin tedifikaw b’dak li se tagħmlu, u rajtu wkoll li l-Mulej jieħu gost b’dak li intom għamiltu b’sagrifiċċju. Mela din hija l-ewwel ħaġa: dak kollu li se joħroġ minn dan il-kunċert, mhux f’dak li jidher, l-iktar importanti dak li ma jidhirx, li f’dawn il-ġranet kien hemm fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Dak li jagħmel il-Voices possibli mhuwiex biss xi ħaġa esterna.

    It-tieni ħaġa li qal Ġesu fil-Vanġelu: “isma’ irridu noqgħodu attenti” għaliex aħna kultant niżbaljaw, inparlaw ’l hawn u ’l hemm, imma qalilna “jekk aħna ma nkunux imrawmin fuq dak li ngħidu, aħna nkunu qiesna għomja li jmexxu lill-għomja”. Ġesu qiegħed jgħid: jiena ġejt biex intom ikollkom mod kif titkellmu li jkun l-istess. In-nisrani suppost jitkellem l-istess lingwa. Jekk jiena xi ħadd naqasni suppost l-lingwa tiegħi tkun il-maħfra. Jekk hemm xi ħadd li qiegħed fil-bżonn, suppost il-lingwa tiegħi tkun li nghin dik il-persuna. Jekk il-persuna li titlobni l-għajnuna b’kumbinazzjoni jkollha l-kulur tal-ġilda differenti minn tiegħi, jiena suppost  nara fiha x-xbieha tal-Mulej daqskemm il-Mulej għandu xbieha tiegħu fija.

    Imma n-nisrani sfortunatament,  mhux dejjem jitkellem ta’ nisrani, kif tindunaw fil-midja, forsi jgħid li hu nisrani imma mbagħad ma jesprimix dak li Ġesu jkun jixtiequ li jesprimi. Kemm hu sabih li aħna nibdew inħarsu lejn ir-realtà mill-għajnejn tal-Vanġelu, b’mod speċjali l-imħabba ta’ Alla lejn l-bnedmin. L-imħabba tagħna tibda mill-fatt li jiena nagħmel att ta’ fidi u ngħid kull bniedem ġo fih innifsu huwa xbieha t’Alla. L-imħabba tibda minn dan l-att ta’ fidi. Jiena nemmen Mulej  li dak huwa ibnek u dik hija bintek, u jiena se nħobbhom propju għaliex għandna din ir-rivelazzjoni tiegħek, il-bnedmin kollha huma wliedek.

    It-tielet riflessjoni nehduha mill-ewwel lezzjoni tal-lum. Ġeremija lil-poplu qed jgħidlu: inti m’intix miexi kif irid Alla.  Ġeremija l-ewwel jitlob lill-Mulej biex jidħol għalihom, imma mbagħad wara jitkellem dwar il-ħniena li Mulej irid jurihom. U jagħmlilhom żewġ wegħdiet: l-ewwel wegħda hija li għad jiġi l-Messija u ġej minn ġo nofshom, araw ftit kemm kien jaħseb fina, x’unur kbir għamlilna l-Mulej Ġesu. Hu ħareġ minna. Kemm naħsbu li l-bnedmin ma jiswewx? Għaliex Ġesu fdiena, Ġesu daħal għal kull wieħed u waħda minna! Biex ngħiduha b’mod iktar sempliċi meta tħares lura, imbagħad tgħid mhux n-nanniet tiegħi biss huma fl-istorja ta’ ħajti, imma fl-istorja tiegħi, fil-ġenealoġija tiegħi, hemm ukoll Sidna Ġesu Kristu. U din tgħodd għal kulħadd, għal kull bniedem li jersaq lejn il-Mulej Ġesu.

    It tieni wegħda ta’ Ġeremija: “intom tkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom” (Ġer 30, 22). Din hi d-dimensjoni komunitarja tal-imħabba. Id-dimensjoni komunitarja tfisser li dak li inti tħoss, dak tipprova taqsmu ma’ ħaddieħor. Huwa dan li qed jiġri hawnhekk, għaliex jiena nħoss li nista’ nagħti kontribut, niltaqa’ ma’ min qed iħoss bħali, u flimkien insiru ħaġa waħda.  Dik hija l-Knisja. Kif tista’ tgħid li temmen f’Ġesu u ma tiltaqax ma’ dawk li jemmnu f’Ġesu? Ma tagħmilx sens. Ġesu għalhekk għamel il-Knisja. Il-Knisja mhijiex don għalih. Il-Knisja hi don għalina ħalli aħna nkabbru lil xulxin fl-imħabba tagħna lejn Kristu.

    Ejjew nitolbu lill-Mulej biex anke ir-rieda tagħkom tkun dejjem iktar ippurifikata, ħalli anke waqt il-kant intom tkunu qegħdin tiftakru wkoll f’dawk li se jibbenifikaw mill-isforzi tagħhkom.

    ✠ Pawlu Cremona O.P.
    Arċisqof ta’ Malta