• It-tlett tenuri ta’ fama internazzjonali ‘The Priests’ ser jagħtu żewġ kunċerti f’Malta, fid-29 u t-30 ta’ Novembru 2014, fl-Istitut Kattoliku. Wara s-suċċess tal-kunċert li taw is-sena l-oħra, is-saċerdoti Kattoliċi mill-Irlanda ta’ Fuq – Fr Martin O’Hagan, Fr Eugene O’Hagan u Fr David Delargy – ser jerġgħu jiġu pajjiżna, din id-darba għall-kunċert tal-Milied bis-sehem tas-soprano Maltija Gillian Zammit u l-kor tat-tfal li hija tmexxi.

    Il-kunċert ser jitmexxa minn Cathal Synnot, li huwa direttur mużikali ta’ ‘The Priests’, filwaqt li l-orkestra ser tkun iffurmata minn disa’ mużiċisti Maltin. Ir-repertoire għal dan il-kunċert jinkludi għanijiet tradizzjonali tal-Milied u oħrajn magħrufa, inkluż għanijiet Maltin.

    Il-biljetti għall-kunċert ‘The Priests Christmas Concert’ jistgħu jinxtraw mill-booking office tal-Istitut Kattoliku jew mis-sit elettroniku www.istitutkattoliku.com. Dan il-kunċert organizzat mill-Knisja f’Malta qed isir b’risq il-Sheperds Fund li jgħin fil-bżonnijiet tal-qassissin, inkluż dawk morda u anzjani.
    It-trio ta’ tenuri Irlandizi ilhom ikantaw flimkien mis-snin sebgħin, meta kienu għadhom studenti fil-Kulleġġ St MacNissi fl-Irlanda. Fl-2008 huma ffirmaw ftehim mal-kumpanija tad-diski SonyBMG u ħarġu l-ewwel album f’Novembru tal-istess sena. Huma ingħataw il-privileġġ li jirrekordjaw dan l-album fil-Bażilika ta’ San Pietru, l-Vatikan. Dan l-album bl-isem ‘The Priests’ jinbiegħ f’aktar minn tlettin pajjiż u sal-lum inbiegħu aktar minn miljun kopja fl-Irlanda biss. Huma rrekordjaw żewġ albums oħra li wkoll kisbu suċċessi kbar u numru ta’ awards. Dawn huma l-album bl-isem ‘Harmony’ u l-album ‘Noel’ b’innijiet tal-Milied.

    Is-suċċess mużikali ta’ ‘The Priests’ ħadhom f’diversi pajjiżi madwar id-dinja biex jagħtu numru ta’ kunċerti, fosthom fl-Ingilterra, fl-Italja u fl-Istati Uniti. Madanakollu huma jistqarru li l-prijorità tagħhom tibqa dejjem il-ministeru tas-saċerdozju u l-ħidma pastorali li jwettqu fil-parroċċi tagħhom. Il-messaġġ tagħhom permezz tal-kant u l-mużika huwa intiz li jmur lil hinn minn kull reliġjon u kultura, u għandu l-għan li jwassal it-tama u l-paċi madwar id-dinja.

    Dan il-kunċert huwa possibbli wkoll bis-sehem ta’ Grand Hotel Excelsior, APS Bank, Velprint Ltd, Digital Magic, Outlook Coop, Papillon Caterers u Nexos Lighting Technology.

  • Silta’ mill-kunċert li taw ‘The Priests’ is-sena l-oħra fl-Istitut Kattoliku.

    Ritratti: Photocity, Valletta