• Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Ottubru, l-Eċċellenza tiegħu Mons. Charles Scicluna iċċelebra quddiesa speċjali fis-Sacred Heart College f’San Ġiljan. Għadd sabiħ ta’ saċerdoti li għandhom xi sehem fl-iskola kkonċelebraw mal-Isqof. Din l-iskola, li kienet ilha mmexxija mis-Soċjetá tal-Qalb ta’ Ġesú sa mill-1903, għaddiet f’idejn l-Arċidojoċesi ta’ Malta fit-23 ta’ Lulju ta’ din is-sena. Iċ-ċelebrazzjoni saret bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-istudenti kollha, għalliema, ħaddiema u kollaboraturi oħra, membri tal-Bord tad-Diretturi, il-PTA tal-iskola u numru sabiħ ta’ sorijiet tas-Sacred Heart. Fid-diskors ta’ merħba iċ-Chairperson tal-Bord tad-Diretturi, Ms. Joyce Pullicino, irringrazzjat lis-Soċjetá tal-mija u ħdax-il sena ta’ edukazzjoni lill-eluf ta’ studenti li għaddew minn din l-iskola, kif ukoll tat-taħriġ ta’ għadd kbir ta’ għalliema nisa li mill-1944 sal-1973 ħadu t-taħriġ tagħhom fil-kuleġġ Mater Admirabilis Training College immexxi mill-istess Soċjetá.

  • Ritratti mill-istaff tal-iskola Sacred Heart