Mons. Arċisqof Paul Cremona fis-6 ta’ Jannar 2010, laqa’ għandu t-tim tas-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati (JRS Malta) fir-residenza tiegħu f’Ħ’Attard. Huma tkellmu flimkien dwar il-kawżi tal-migrazzjoni minn xi pajjiżi fl-Afrika lejn l-Ewropa u kif din qed tolqot lil Malta. Tkellmu wkoll fuq it-traġedja kontinwa ta’ tant nies madwar id-dinja li jkollhom jaħarbu minn pajjiżhom. Semmew li ta’ kull sena jmutu mijiet ta’ rġiel, nisa u tfal li jegħrqu fil-Mediterran huma u jfittxu li jibdew ħajja ġdida fil-paċi u l-ħelsien fl-Ewropa. It-tim jinkludi fih persuni li ngħataw protezzjoni f’Malta.

Fil-laqgħa mal-istaff tal-JRS, Mons. Arċisqof staqsihom dwar il-ħidma tagħhom mal-persuni li qed ifittxu l-asil f’Malta. Huma tkellmu dwar is-servizz legali u ta’ ħidma soċjali, kif ukoll dwar l-akkumpanjament fil-qasam tas-saħħa mwettqa mid-diversi membri tal-JRS. Tkellmu wkoll dwar il-programm ta’ edukazzjoni fl-iskejjel, is-servizz pastorali mad-detentuti u s-servizz mogħti permezz tal-uffiċċju ‘mnejn jgħaddu bnedmin minn ħafna pajjiżi tad-dinja’. L-istaff tal-JRS Malta wrew it-tħassib tagħhom dwar l-effetti fuq is-saħħa mentali li l-prattika tad-detenzjoni ta’ dawk li qed ifittxu l-asil f’Malta qed ikollha fuq diversi immigranti. Tkellmu wkoll dwar l-akkoljenza tal-immigranti Insara fil-komunitajiet parrokkjali ta’ pajjiżna, u l-prekarjetà li fiha jgħixu diversi immigranti.

Waqt li rringrazzjaw lil Mons. Arċisqof tal-kliem tiegħu ta’ mogħdrija dwar l-immigranti u r-refuġjati, qalulu wkoll li jħossuhom inkoraġġuti meta jipprova jfiehem li l-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni li qed ifittxu l-asil huma dmir Nisrani u uman. “Din mhix xi ħaġa li wieħed jista’ jagħżilha jew ma jagħżilhiex,” temm jgħid Monsinjur Arċisqof: “huwa dmir li lkoll imsejħin li naqdu.”

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.