• Din is-sena, fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ Kristu Re, il-Knisja f’Malta ser tirringrazzja u ssellem lill-Arċisqof Emeritu, Mons. Pawlu Cremona O.P., għall-Episkopat tiegħu permezz ta’ tliet attivitajiet. L-attività ewlenija ser issir f’jum il-festa ta’ Kristu Re, il-Ħadd 23 ta’ Novembru, biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fil-5.30 p.m. Il-Quddiesa ser titmexxa minn Mons. Pawlu Cremona O.P., filwaqt li l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, ser iwassal ir-riflessjonijiet tiegħu fl-omelija. Kulħadd huwa mistieden u mħeġġeġ jattendi.

    L-attivitajiet li jwasslu għall-festa ta’ Kristu Re ser jibdew il-Ġimgħa 21 ta’ Novembru, b’attività għall-adolexxenti ġewwa t-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, fis-7.00 p.m. Għal din l-attività, l-adoloxxenti ta’ bejn it-12 u s-16-il sena huma mistiedna għal serata ta’ talb u divertiment, bl-isem ‘Meeteen’. L-Arċisqof Emeritu, Mons. Pawlu Cremona ser ikun preżenti għal din il-laqgħa. Din ser tkun opportunità għall-adoloxxenti biex huma wkoll jirringrazzjaw lil Mons. Cremona għall-impenn pastorali tiegħu b’risq l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. Il-laqgħa hi organizzata mill-Oratorju tas-Salesjani f’Tas-Sliema u kkoordinata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ).

    Is-Sibt 22 ta’ Novembru, ser issir ċelebrazzjoni tal-Quddiesa għat-tfal, ġewwa s-Santwarju tal-Ħniena Divina, in-Naxxar, fl-4.30 p.m. Din il-Quddiesa, li ser tiġi organizzata mill-Kummissjoni Djoċesana Tfal, ser tkun ukoll iċċelebrata mill-Arċisqof Emeritu, Mons. Pawlu Cremona.