• Qari I
    Mill-Ktieb ta’ Iżaija 61:1-2a.10-11

    L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
    għax il-Mulej ikkonsagrani,
    biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
    bagħatni ndewwi l-qalb miksura;
    biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
    u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;
    biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.

    Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,
    taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
    Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
    bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
    bħal għarus imżejjen b’kuruna,
    bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
    Bħalma l-art tnibbet,
    bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,
    hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija,
    quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

    San Luqa 1:46-48.49-50.53-54

    Mbagħad qalet Marija:
    Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
    u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
     għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. 
    Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
    għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; 
    qaddis hu l-isem tiegħu. 
    Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
    fuq dawk li jibżgħu minnu. 
    Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
     u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
     Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, 
    għax ftakar fil-ħniena tiegħu.

    II Qari
    1 Tessalonikin 5:16-24

    Ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija, ippruvaw kollox; it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta’ ħażen. U Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu. Fidil hu Alla li sejjħilkom, u huwa jagħmel dan. 

    Evanġelju
    San Ġwann 1:6-8.19-28

    Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,
    jismu Ġwanni. 
    Dan ġie bħala xhud,
    biex jixhed għad-dawl,
    biex bih kulħadd jemmen.
    Ġwanni ma kienx id-dawl,
    imma ġie biex jixhed għad-dawl.

    Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, “Int min int?”, hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex,” qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le,” weġibhom.  Mbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal  il-profeta Isaija:
     
                   “Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.
                   ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”
     
    Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.