• I Qari
    Mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel 7:1-5.8b-12.14a.16

    Meta s-sultan David mar joqgħod f’daru, u l-Mulej serrħu mill-għedewwa kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jiena qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs ta’ tinda!” U qal Natan lis-sultan: “Kull ma għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek.” Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu: “Mur għid lill-qaddej tiegħi David: ‘Dan jgħid  il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? “U issa għid lill-qaddej tiegħi David: ‘Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti: Ara, jiena ħadtek  mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kull ma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbaħ l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha.
     
    ‘Lilek    imbagħad,   il-Mulej   jagħtik   kelma  li    jibnilek   dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Jekk jagħmel il-ħażin, jiena nwiddbu  bl-istess bastun tal-bnedmin u bid-daqqiet li jagħtu l-bnedmin. Imma t-tjieba tiegħi lejh qatt ma nwarrabha għalkollox minnu, bħalma warrabtha minn ma’ Sawl li jiena begħedt minn quddiemek. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem.’ ”

    Salm Responsorjali
    Salm 89:2-3.4-5.27.29
    It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;
    f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
    Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;
    bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek.”

    “Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,
    ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
    ‘Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,
    li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek.'”

    Hu jsejjaħli: Int missieri u Alla tiegħi,
    fortizza u salvazzjoni tiegħi!
    It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,
    u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.

    II Qari
    Mill-Ittra lir-Rumani 16:25-27

    Lil Alla li għandu l-qawwa
    li jwettaqkom fl-Evanġelju li nħabbar jien,
    jien u nxandar lil Ġesù Kristu,
    skond ir-rivelazzjoni  tal-misteru
    li kien moħbi fis-skiet ta’ l-eternità;
     
    Lil dan Alla li issa rrivelalna dan il-misteru,
    u għarrfu lill-ġnus bil-Kitba tal-Profeti,
    skond l-ordni tiegħu, Alla ta’ dejjem,
    biex iwassalhom għall-ubbidjenza tal-fidi;
     
    lil dan Alla, waħdu fl-għerf,
    il-glorja għal dejjem ta’ dejjem
    b’Ġesù Kristu. Amen.

  • L-Evanġelju
    San Luqa 1:26-38

  • Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija. jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Mbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.