• Il-Ġimgħa 16 ta’ Jannar 2015, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, iċċelebra Quddiesa Solenni fil-Konkatidral ta’ San Gwann, il-Belt Valletta, fl-okkażjoni taċ-Ċerimonja tad-depozizzjoni tal-kuluri tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

    ​L-Omelija fl-okkażjoni taċ-Ċerimonja tad-Depożizzjoni tal-Kuluri tal-Forzi Armati ta’ Malta

  • Eċċellenza Għażiż President tar-Repubblika,
    Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta,
    Personalitajiet Distinti,
    Uffiċjali u membri tal-Forzi Armati,

    Inġbarna hawn illum għal okkażjoni importanti u memorabbli – id-depożizzjoni tal-kuluri antiki, issa li l-Forzi Armati ta’ Malta għandhom kuluri ġodda li ġew ikkonsagrati lejn tmiem is-sena li għaddiet. Huwa xieraq li l-kuluri l-qodma, li kienu kkonsagrati fl-1988, jinżammu bil-ġieħ li jistħoqqilhom ta’ emblema u sinjal ikkonsagrat lil Alla, f’dan il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Dawn jingħaqdu ma’ kuluri u emblemi oħrajn tal-Forzi Armati ta’ Malta, li jafu sekli differenti tul dawn l-aħħar 160 sena. Nixtieq naqsam ftit riflessjonijiet magħkom ibbażati fuq siltiet mill-Iskrittura li għadna kif smajna.

    Fl-Ewwel Qari, mill-ewwel Ktieb ta’ Samwel, insibu l-introduzzjoni għall-battalja famuża li hija magħrufa bħala l-battalja bejn David u l-ġgant Gulija. Din is-silta tispjega l-armatura impressjonanti ta’ dan il-kap kmandant tal-forzi Filistin li kien jismu Gulija, u naqraw ukoll spjegazzjoni dettaljata tiegħu: “raġel kampjun mill-kamp tal-Filistin…twil sitt idriegħ u xiber” (1 Sam 17, 4). Il-qari jispiċċa bl-isfida li hu jagħmel lill-armata tal-poplu ta’ Iżrael: “Hawn jien illum nisfida l-qtajja’ ta’ Iżrael! Agħtuni raġel u nitqabdu flimkien” (1 Sam 17, 10). Kif nafu, l-istorja tkompli li David, żagħżugħ mingħajr ħafna esperjenza tal-battalja, offra lilu nnifsu lir-Re Sawl biex jiġġieled f’isem il-Mulej kontra dan ir-raġel twil u b’saħħtu mill-kamp tal-Filistin. David, b’sempliċi ċagħqa u bl-iżbandola tiegħu, joqtol lil dan il-ġgant mimli armatura u jirbaħ il-battalja f’isem Iżrael. Imma David stess jgħid, “inti ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u bil-vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-Mulej tal-eżerċti, li int sfidajt” (1 Sam 17, 45).

    Illum, waqt din il-Quddiesa Solenni, jiena nsellem lill-Forzi Armati ta’ Malta li, meta mqabbla ma’ armati oħrajn, huma preżenza żgħira imma mhux inutli. Biżżejjed wieħed isemmi x-xogħol li tagħmlu fuq l-ibħra tal-Mediterran, intom u tippruvaw issalvaw il-ħajjiet tan-nies mitluqa għad-destin tagħhom. Fl-ibħra mimlija perikli, il-ħidma tagħkom hija battalja ta’ eżerċtu żgħir kontra diffikultajiet ġganteski. Hija kontinwazzjoni fuq l-ibħra, tal-battalja bejn David u Gulija. Jiena llum nitlob fuqkom il-barka qawwija ta’ Alla biex, minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-limitazzjonijiet tar-riżorsi tagħna, ma taqtgħux qalbkom u biex tagħtu sehemkom f’din il-battalja favur is-solidarjetà u d-dinjità ta’ ħutna l-bnedmin, huma min huma.

    It-Tieni Qari li smajna jispjegalna li n-Nisrani irid ikun imlibbes bl-armatura tal-fidi jekk irid jissieħeb mad-dawl, jiġifieri mat-tajjeb, kontra l-forzi tax-xitan, tad-dlam u tal-ħażen. Il-preżenza tagħkom hawnhekk illum, hija fiha nfisha att ta’ fidi. Ġejtu fid-dar ta’ Alla, u ġejtu bl-emblemi u bil-kuluri li tant għożżejtu għal diversi snin, wara li kkonsagrajtu f’isem il-Mulej kuluri ġodda. Temmnu wkoll fis-sinjifikat tal-konsagrazzjoni, li l-kuluri tagħkom huma mbierka minn Alla għaliex jesprimu l-barka li tlabtu fuqkom infuskom u fuq il-missjonijiet tagħkom. Id-drapp li jitbierek u jiġi kkonsagrat huwa sinjal tal-konsagrazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Din hija stqarrija li l-Forzi Armati ta’ Malta għadhom jemmnu li Alla jrid ikun li jgħasses il-pajjiż tagħna, li jindukrana u li jħarisna. Salm 126 jgħid sew li, “jekk
    il-Mulej ma jħarisx il-Belt, għalxejn jishar l-għassies” (Ps 126, 1). Ix-xogħol tagħkom huwa utli u importanti, imma għandu bżonn ukoll il-ħarsien tal-Mulej!

    Fil-Vanġelu, il-Mulej jammira wieħed minnkom, ċenturjun li kien ġej mill-ġnus. Ma kienx wieħed mill-poplu ta’ Iżrael, imma wera fidi kbira fil-Mulej. Iċ-ċenturjun lill-Mulej jispjegalu l-kundizzjoni ta’ tbatija tas-suldat u jurina li kien jaf x’inhi d-dixxiplina militari meta jgħidlu: “Għax jien ukoll għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur’, u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja’, u jiġi; u lill-ilsir ngħidlu, ‘agħmel dan’, u jagħmlu” (Mt 8, 9). F’din is-silta sabiħa ta’ San Mattew, naraw kif iċ-ċenturjun, meta jiltaqa’ ma’ Ġesu, ra fih bniedem b’qawwa kbira li bil-kelma tiegħu seta’ jfejjaq lill-qaddej tiegħu. B’fidi kbira jgħidlu “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq” (Mt 8, 9). Dawn huma kliem li aħna nirrepetu f’kull quddiesa, qabel nitqarbnu, meta nfakkru l-kliem taċ-ċenturjun: Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid biss kelma waħda u ruħi tfiq.

    Għeżież membri tal-Forzi Armati, intom li mimlijin tama, kuraġġ u entużjażmu biex tiddefendu lil pajjiżna, jiena nistedinkom biex ma tittraskurawx lill-Mulej li jħobbkom ħafna, inħeġġiġkom tfittxu l-fejqan li jagħti hu fil-qrar, li tfittxu l-wens li jagħti hu fl-Ewkaristija, u li ma tistħu qatt tersqu lejh biex tisimgħu l-Kelma tiegħu.

    Nirringrazzjakom f’isem il-Mulej, ta’ kull ma tagħmlu għall-ħarsien ta’ pajjiżna u għall-ħarsien tad-demokrazija, li hija l-pedament tar-Repubblika ta’ Malta. Nawguralkom li l-missjonijiet li twettqu jkunu dejjem għall-ħarsien tad-dinjità ta’ kull persuna umana, hi min hi, hi ta’ liema reliġjon hi, hi ta’ liema kulur tal-ġilda hi, hi ta’ liema razza hi, hi min hi!

    Jalla l-missjoni tagħkom u l-ħidma tagħkom, li kultant ma tistax ma tkunx bl-użu tal-forza, ma tispiċċa qatt fi vjolenza li tagħmel ħsara lid-dinjità tal-bniedem. Għandna bżonn il-kuraġġ tagħkom, għandna bżonn is-sagrifiċċju tagħkom, għandna bżonn ukoll il-ħarsien tagħkom. Li nitolbukom huwa li fikom nibqgħu nsibu l-wens u l-kenn, filwaqt li nagħmlu d-dover tagħna li nitolbu għalikom u li nappoġġjawkom.

     Charles Jude Scicluna
        Isqof titulari ta’ San Leone
        Amministratur Appostoliku ta’ Malta 

  • Ritratti: Photocity, Valletta
    www.photocitymalta.com