• In-numru ta’ żwiġijiet fil-Knisja li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta fis-sena 2014 kien ta’ 1,387, żieda marġinali fuq iż-żwiġijiet irreġistrati fl-2013. 

    Mit-total ta’ żwiġijiet rreġistrati fl-2014, 1,183 żwieġ kienu bejn Maltin. Kien hemm ukoll 53 żwieġ bejn Maltin u barranin. Dawn kienu mqassmin hekk:  29 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barrani; 20 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin; 4 żwiġijiet ta’ Maltin ma’ barranin li mhumiex Insara. Ġew rreġistrati wkoll 13-il żwieġ bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra, u 138 żwiġijiet bejn koppji barranin. 

    Il-53 persuna minn pajjiżi oħra li fl-2014 ingħaqdu fi żwieġ fil-Knisja ma’ persuni Maltin kienu 27 raġel u 26 mara, minn 26 pajjiż differenti, ewlenin fosthom: mill-Italja (11) u mill-Ingilterra (10). L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Mejju, Ġunju u Lulju. L-aktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu s-sena l-oħra kienu bejn l-20 u d-29 sena.

    Fl-2014 kien hemm 48 żwieġ li ġie konvalidat. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż-żmien il-koppja titlob li jsir bil-Knisja.

    Fl-istess perijodu kien hemm 6 armel/armla li reġgħu żżewġu, kif ukoll 28 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.

    L-informazzjoni kollha nġabret mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof. Din ma tinkludix iż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.