• Il-Ġimgħa 16 ta’ Jannar 2015, is-Segretarjat għall-Komunikazzjoni Soċjali u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija organizzaw seminar dwar ‘Media Literacy Education’. Għal dan is-seminar, li sar ġewwa l-Orataorju San Domenico Savio MSSP f’Birkirkara, kienu mistiedna numru ta’ għalliema li jgħallmu s-suġġetti tal-Media Literacy Education (MLE) u l-PSCD (Personal, Social and Career Development). Flimkien magħhom attendew ukoll Kap tad-Dipartimenti Edukattivi, Uffiċċjali fl-Edukazzjoni, Kapijiet tal-Iskejjel u persuni oħra kemm mill-iskejjel tal-Knisja kif ukoll minn dawk tal-Istat.
     
    L-introduzzjoni tas-seminar saret minn Patri Charles Tabone O.P., Delegat għall-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali, u mis-Sur Edward Wright, Head of Department għall-MLE fl-iskejjel tal-Knisja li spjegaw l-importanza li dan is-suġġett għandu llum aktar minn qatt qabel. Is-Sur Wright semma’ l-inizjattivi li qed jittieħdu biex dan is-suġġett jissaħħaħ u jsir aktar rilevanti għal żminijietna billi jindirizza l-bżonnijiet tat-tfal, żgħażagħ u ġenituri. Fisser ukoll kif l-għalliema ser jingħataw korsijiet speċjalizzati ta’ taħriġ biex ikunu aktar preparati biex igħallmu dan is-suġġett. Fis-seminar kien hemm diversi kelliema fosthom persuni mill-qasam tal-media u wkoll għalliema li qasmu mal-udjenza l-esperjenzi tagħhom.
     
    Fost il-kelliema prinċipali kien hemm Dr. Ġorġ Mallia li hu lecturer fl-Università ta’ Malta kif ukoll cartoonist u awtur. Hu tkellem dwar il-pedagoġija li biha dan is-suġġett għandu jiġi mgħallem, biex l-istudenti jkollhom esperjenza sabiħa ta’ tagħlim u jikbru wkoll f’diversi ħiliet meħtieġa, fosthom il-ħsieb kritiku dwar il-media li jikkunsmaw, u wkoll il-kreattività msieħba mir-riflessjoni. Preżenti għal dan is-seminar kien hemm ukoll il-Ministru tal-Edukazzjoni u  Investiment, Evarist Bartolo. Tqassmu wkoll resource packs għall-iskejjel u għall-għalliema, li kienu preparati mill-HOD u l-Media Centre Ltd, li flimkien qegħdin jikkordinaw l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu biex dan il-proġett għall-benefiċċju tal-istudenti u l-ġenituri tagħhom.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni