• Il-Professur Dun Hector Scerri, il-President tal-Kummissjoni Teoloġika tal-Konferenza Episkopali Maltija, ħa sehem f’laqgħa importanti organizzata mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi għall-Presidenti tal-Kummissjonijiet Dottrinali tal-Konferenzi Episkopali tal-Ewropa. Il-laqgħa saret fil-belt storika ta’ Esztergom ġewwa l-Ungerija mit-12 sal-15 ta’ Jannar.

  • Għal din il-laqgħa kienu preżenti l-Kardinal Gerhard Müller, il-Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u Uffiċjali oħra tal-istess Dikasteru tal-Kurja Rumana, tliet Kardinali oħra, u aktar minn għoxrin Isqof-President tal-Kummissjoni Dottrinali ta’ pajjiżi Ewropej.

    Fil-bidu tal-laqgħa, il-Kardinal Müller qara l-Ittra mibgħuta minn Papa Franġisku lill-parteċipanti li fiha huwa fakkarhom fir-responsabiltà tal-Kummissjoni Dottrinali rigward l-għaqda u l-integrità tal-fidi, partikolarment fit-trasmissjoni tagħha lill-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej. Fost il-kelliema wieħed isemmi lill-istess Kardinal Müller li tkellem dwar il-missjoni tal-Kummissjoni Teoloġika fil-pajjiż, il-Kardinal Eijk (ta’ Utrecht) dwar l-antropoloġija Nisranija u l-gender theory, il-Kardinal Erdö (ta’ Esztergom-Budapest) dwar liġijiet inġusti u l-libertà reliġjuża u l-Arċisqof Tartaglia (ta’ Glasgow) dwar is-Sagrament tal-Qrar u l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida.

    Mument sabiħ kien meta l-parteċipanti żaru l-Kripta tal-Kon-Katidral u talbu fuq il-qabar tal-Kardinal Mindzenty, ir-ragħaj qalbieni tal-Ungerija fi żmien il-ħakma Komunista.

    Kif stqarr Dun Hector Scerri, ir-rappreżentant Malti, il-laqgħa kienet opportunità ta’ formazzjoni, ta’ skambju ta’ esperjenzi u ta’ tisħiħ ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kummissjonijiet Dottrinali Ewropej u l-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.