• Smajna ħafna spekulazzjonijiet dwar min jista’ jkun l-Arċisqof il-ġdid. Il-midja għamlet il-kalkoli tagħha dwar min taħseb li għandu l-kredenzjali addattati għal din il-pożizzjoni; min jista’ jkun dak li għandu l-karatteristiċi essenzjali biex ‘jilħaq’ Arċisqof. Issa li hemm kariga vojta jeħtieġ timtela mill-persuna l-aktar kapaċi.  Nistħajjel dan il-proċess ma’ reklam fuq il-gazzetta mqiegħed taħt is-sezzjoni mmarkata b’tipa ħoxna – SITUATION VACANT.

      Fid-dinja tal-lum fejn min jistinka jirnexxi, faċli ninsew li s-sejħat fil-Knisja mhumiex bħal karriera. Aħna u nistennew għal Arċisqof ġdid ftakart fi drawwa tal-Knisja Ortodossa Kopta.

  • Meta dawn jiġu biex jaħtru Papa ġdid għall-Knisja tagħhom, il-komunità tagħżel tliet persuni. Isimhom jinkiteb fuq strixxa, u f’ċeremonja sabiħa, tifel mgħammad jagħżel min minnhom se jinħatar Papa. Din il-forma ta’ lotterija biex jintgħażel Papa ġdid tgħallimna tliet realtajiet dwar is-sejħat fil-Knisja li fid-dinja tal-lum ftit li xejn jinftiehmu.  

    Fil-Knisja s-sejħa ma tiddependix biss mill-persuna. Għad li l-Mulej jinqeda bil-kwalitajiet kollha tal-persuna, is-sejħa ma tinkisibx bħal xi promotion minn min hu l-aktar intelliġenti, min kapaċi jiġbed l-aktar nies għal warajh, jew min jaf jitkellem l-aktar. Alla l-aktar li juri li hu qawwi mhux f’min jidher li hu qawwi imma f’min jidher li hu dgħajjef. L-Arċisqof, bħal kull saċerdot ieħor, ma jużax il-pożizzjoni tiegħu biex jitkabbar quddiem il-bnedmin imma għandu juża l-pożizzjoni tiegħu biex jaqdi lil Alla fil-poplu tiegħu.

    Għalhekk ftit li xejn jagħmel sens meta ngħidu li xi ħadd ‘laħaq’ xi ħaġa fil-Knisja bħallikieku tela’ skaluna oħra ta’ prestiġju. Is-sejħat fil-Knisja ma jiddependux mill-kapaċitajiet u l-bravuri tal-persuna msejħa.   
    Fil-Knisja s-sejħa ma tiddependix biss mill-komunità. Għad li s-sejħat fil-Knisja huma dejjem għas-servizz tal-komunità, is-sejħat qatt ma saru frott il-vot tal-maġġoranza. Il-midja tista’ tagħmel servejs kemm trid, imma s-sejħa ma tiddependix biss minn x’irid il-poplu. Il-popolarità mhix kriterju importanti għas-sejħat fil-Knisja. Fl-istorja (mhux biss tal-Knisja imma wkoll f’dik tad-dinja) mhux dejjem min kien l-aktar popolari kien il-persuna addattata għar-rwol ta’ tmexxija. Is-sejħat fil-Knisja ma jiddependux minn kemm il-persuna msejħa taqla’ voti ta’ fiduċja mingħand il-maġġoranza.

    Fil-Knisja s-sejħa tiddependi kompletament fuq Alla. Hu Alla li jsejjaħ u hu Alla li jagħżel persuna mhux oħra. Hu li jaf x’teħtieġ il-Knisja, isejjaħ il-persuna addattata biex tagħmel dak li jrid hu. Forsi din l-idea fid-dinja tal-lum tinstema’ ftit romantika żżejjed. Naraw li l-għażla tal-Arċisqof il-ġdid bħala frott il-makkinarju ta’ istituzzjoni bħal kull istituzzjoni oħra. Hi għażla f’idejn in-Nunzju Appostoliku u l-Vatikan li jaħdmu b’mod maġiku u misterjuż biex, wara li jagħmlu l-kalkoli kollha tagħhom, jaslu għal riżultat definittiv. Minkejja dan għal min jemmen, l-għażla ta’ Arċisqof, bħal kull sejħa oħra li ssir fil-Knisja, qed issir minn Alla. Il-fatt li l-Knisja ilha żewġ millenji teżisti minkejja li l-persuni li mexxewha mhux dejjem kienu l-persuni addattati, hi evidenza biżżejjed li fit-tmun m’hemmx il-bniedem imma l-id ta’ Alla.
    Hu dan l-istess Alla li għadu qed isejjaħ persuni biex jikkollaboraw fil-ħidma tiegħu ta’ mħabba għall-bnedmin. Is-sejħa mhix SITUATION VACANT imma hi sforz l-għażla ta’ Alla. Jiena u sħabi qed infittxu li nirrispondu għal din l-għażla li hu qed jagħmlilna biex insiru saċerdoti.

    Matul tmiem din il-ġimgħa se nkunu qed inżuru dawn il-parroċċi: il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, ix-Xemxija, Santa Luċija, ir-Rabat, Ħad-Dingli, il-Belt Valletta, il-Manikata, l-Imġarr, Pembroke, is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u l-Qawra.

    Nixtiequ naqsmu din is-sejħa tagħna magħkom għax għalina din mhijiex karriera bħal kull karriera oħra imma hi l-għotja ta’ ħajjitna b’imħabba għal Alla u għalikom. Narawkom.

    Sinclair Bugeja
    www.seminary.org.mt

    [email protected]
    facebook.com/seminarymalta