• Nhar il-Ħadd, 22 ta’ Frar 2015, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku mexxa ċ-ċelebrazzjoni tradizzjonali ta’ Ħadd in-Nies, b’pellegrinaġġ u Quddiesa fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar.

  • L-Omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa ta’ Ħadd in-Nies

  • ​Knisja Parrokkjali Ħaż-Żabbar
    22 ta’ Frar 2015

    Il-Vanġelu ta’ San Mark jiddedika żewġ versi biss għall-esperjenza ta’ meta Ġesù, imqanqal mill-Ispirtu, ħareġ fid-deżert biex ikun imġarrab mix-xitan. Dawn l-elementi importanti nsibuhom ukoll fil-Vanġelu ta’ San Mattew u fil-Vanġelu ta’ San Luqa. L-ewwelnett, din kienet esperjenza importanti li qanqlu għaliha l-Ispirtu s-Santu. It-tieni, nafu li din l-esperjenza ta’ 40 jum u li matulha ġarrbu x-xitan, Ġesù għaddha minnha fil-bidu tal-missjoni tiegħu, wara li tgħammed fil-Ġordan.

    Fit-tieni vers tal-Vanġelu, San Mark jgħidilna xi ħaġa li ma nsibuhiex fil-Vanġeli l-oħrajn: “Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi u kienu jaqduh l-anġli ” (Mk 1, 13). Jiena nixtieq noffri ftit ħsibijiet fuq dan il-vers partikolari għal San Mark.

    Ġesù, wara li kkonfronta ruħu max-xitan – li jfisser min jakkuża, min ifixkel – jagħżel li jkun fidil lejn il-Missier tas-sema u jobdi r-rieda tal-Missier. Għaliex jirbah il-ġlieda tiegħu max-xitan li ttentah bħala bniedem, Ġesù jista’ jgħix fil-paċi mal-bqija tal-ħolqien, bħalma kien fil-paċi l-bniedem qabel waqa’ għaliex kien ittentat mix-xitan, u kiser il-ħbiberija tiegħu ma’ Alla. Ġesù, bir-rebħa tiegħu fuq ix-xitan, jerġa’ jġib fid-dinja l-ewwel esperjenza tal-ħolqien, dak tal-ħolqien mingħajr dnub. U għalhekk, l-espressjoni, “kien jgħix mal-annimali selvaġġi”, tfakkarna fil-ġnien, fis-serenità, fil-paċi, tal-ġnien tal-Eden li nsibu fir-rakkont tal-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi. Ix-xitan huwa anġlu li rvilla u rribella kontra Alla u qal, “Ma rridx naqdi lill-Mulej Alla”. Imma l-angli, li huma spirti maħluqin minn Alla u li jaqdu lill-Mulej, jadqu wkoll lil Ġesù.

    F’dan il-vers, “Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi u kienu jaqduh l-anġli”, San Mark isemmi jew jirreferi għall-ħolqien kollu: l-annimali, Ġesù li huwa Alla magħmul bniedem, u l-anġli. L-anġli jaqdu lil dan il-Bniedem li obda lill-Missier, u dan għamlu paċi mal-ħolqien kollu.

    Il-kliem ta’ San Mark ifakkruna f’dak li qrajna fl-ewwel qari. Alla, li wara d-dilluvju fi żmien Noe, jieqaf mir-rieda tiegħu li jeqred lill-ħolqien u lill-umanità, u jgħid: “nagħmel patt mal-bnedmin u anke mal-ħlejjaq l-oħra” (Ġen 9, 9). Il-ħolqien għandu bżonn min jieħu ħsiebu. Il-bniedem għandu wkoll din il-missjoni li jkun paċi mal-ħolqien, li ma jeqridx il-ħolqien imma jindukrah, li jużah għall-bżonnijiet tiegħu imma ma jeqirdux. U dan għaliex Alla għamel patt mal-ħolqien, patt ta’ ħarsien ta’ ħajja u mhux ta’ qerda u mewt.    

    Fil-bidu ta’ din il-mixja tagħna fir-Randan, ispirati minn dan il-vers ta’ San Mark, ejjew nagħmlu ħilitna biex inkunu f’paċi, fina nfusna, mal-proxxmu tagħna u mal-ħolqien ta’ madwarna. Ta’ min nistaqsu lilna nfusna: issa li l-kampanja tagħna ssir isbah fir-rebbiegħa, kemm qed nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna?  X’inhi l-footprint tagħna?  Hija footprint, hija marka, ta’ qerda jew inkella ta’ ħarsien? 

    “L-anġli jaqduh”.  L-anġli, isimhom magħhom, huma messaġġiera tal-Mulej, qegħdin hemm biex lilna jiggwidawna u jgħinu lil min jixtieq tassew jimxi fit-triq tal-Mulej. Interessanti li, f’ dan il-vers, San Mark isemmi l-anġli li qegħdin jaqdu lil Ġesù li rebah lix-xitan għax irid jobdi lill-Missier, imma mbagħad Hu nnifsu jsir anġlu tal-umanità għax jagħtina l-aħbar wisq sabiha: l-Evanġelju! Għaliex l-Evanġelju, anke l-kelma l-għerq tagħha hija aħbar sabiħa. U min iħabbar l-Evanġelu huwa anġlu, huwa messaġġier. Ejjew nitolbu biex aħna nisimgħu l-kelma tal-Mulej Ġesù li jixtieq isemmalna r-rieda tal-Missier u jagħtina l-qawwa permezz tal-Ispirtu tiegħu biex nobduh, u l-frott ta’ din l-ubbidjenza tkun il-paċi fil-qalb tagħna, is-serħan tal-moħħ u anke r-rikonċiljazzjoni fina u madwarna.

    Aħna u nitolbu l-interċessjoni ta’ Sidtna Marija, medjatriċi tal-grazzji, ejjew nitolbuha lill-Madonna takkumpanjana f’dan il-vjaġġ. Dan il-vjaġġ ser iwassalna biex f’Sibt il-Għid fil-għaxija, nerġgħu niltaqgħu hawnhekk u nġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija tagħna u nitbierku b’dak l-ilma li, kif qal San Pietru fit-tieni qari:  ‘isalvana billi jaħsel ix-xmajjar tal-ħażen minn qalbna u jberikna bix-xmajjar tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej’ (ara 1 Piet 3, 21). Ejjew inkunu dawl li nidħlu fl-arka tal-Knisja, din id-dgħajsa li tegħleb id-dulluvju għaliex hija l-familja li l-Mulej għażel mhux għall-qerda imma għall-ħajja. Jalla lkoll kemm aħna, taħt il-ħarsien ta’ Marija Santissima, nimxu fit-triq tagħna fil-paċi tal-Mulej.   
     
     Charles Jude Scicluna
        Isqof titulari ta’ San Leone
        Amministratur Appostoliku ta’ Malta 

  • Ritratti: Photocity, Valletta.
    www.photocitymalta.com