• L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Fr Joseph Galea-Curmi bħala Vigarju Ġenerali. Hu ser jieħu post lil Monsinjur Scicluna li kien ukoll Vigarju Ġenerali wara li nħatar Isqof Awżiljari ta’ Malta fis-6 ta’ Ottubru 2012.

      Fr Joseph Galea-Curmi twieled Malta fl-1 ta’ Jannar 1964 u ġie ordnat saċerdot fil-5 ta’ Lulju 1991.

      Studja fil-Fakultà tat-Teoloġija, l-Università ta’ Malta, u fl-Università Pontifiċja tal-Lateran, Ruma, fejn kiseb id-dottorat fit-Teoloġija (bi speċjalizzazzjoni fit-Teoloġija Pastorali). It-teżi tad-dottorat għandha t-titlu: The Diocesan Synod as a Pastoral Event. A Study of the Post-Conciliar Understanding of the Diocesan Synod (ippubblikata fl-2005).

      Wara l-istudji f’Ruma, inħatar Assistent Segretarju Pastorali tal-Arċidjoċesi. Kien koordinatur tas-Sinodu tal-Arċidjoċesi ta’ Malta 1999-2003 u editur tad-dokumenti finali tas-Sinodu Djoċesan ippubblikati mill-Arċidjoċesi ta’ Malta fl-2003 u fl-2004.

  • Kien editur ta’ diversi Pjani Pastorali tal-Arċidjoċesi, ippubblikati wara s-Sinodu bħala parti mill-implimentazzjoni tas-Sinodu; u kien fil-grupp organizzattiv tal-Assemblea Djoċesana li tiltaqa’ kull sena sa mill-2004, wara t-tmiem tas-Sinodu Djoċesan.

    Huwa lecturer fil-Fakultà tat-Teoloġija, l-Università ta’ Malta. Hu wkoll Segretarju tal-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi u membru fil-Bord tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Huwa membru tal-European Society for Catholic Theology.

    Jaħdem fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Balzan. Hu wkoll Assistent Ekkleżjastiku tas-sezzjoni Maltija taċ-Centesimus Annus Pro Pontifice Foundation.

  • L-aħbar mill-Arċisqof Scicluna fuq Twitter – @BishopScicluna