• IIlum, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħatar lill-Eċċellenza tiegħu Mons. Mario Roberto Cassari, Arċisqof Titulari ta’ Tronto u fil-preżent Nunzju Appostoliku fl-Afrika t’Isfel, fil-Botswana, il-Lesoto, Nambja u Sważiland, bħala Nunzju Appostoliku għal Malta.

    Bin-nomina mill-Papa, tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Aldo Cavalli bħala Nunzju Appostoliku tal-Olanda fil-21 ta’ Marzu, il-post tan-Nunzju għal Malta ġie battal. 

    Mons. Mario Roberto Cassari twieled f’Ghirlarza (Oristano) f’ Sardinja, l-Italja fis-27 ta’ Awwissu 1943. Ġie ordnat saċerdot fis-27 ta’ Diċembru 1969 u  ħadem fid-Djoċesi Ampurias e Tempio. Huwa gradwat fit-Teoloġija.

    Bejn l-1969-1974 kien Vigarju tal-Katidral ta’ Tempio Pausania (Sardinja), għalliem  fi skola sekondarja; Segretarju tal-Isqof, studja Pedagoġija fl-Università ta’ Sassari, l-Italja. Wara xi snin ta’ ħidma pastorali, studja fl-Akkademja Pontifiċja Ekkleżjastika f’Ruma u ngħaqad  mas-servizz diplomatiku tas-Santa Sede fil-5 ta’ Marzu tal-1977. Serva fin-Nunzjatura tal-Pakistan, tal-Kolumbja, tal-Ekwador, tas-Sudan, tal-Afrika t’Isfel, tal-Ġappun, tal-Awstrija, tal-Litwanja, tal-Jugożlavja u Bosnia-Ħerzegovina.
    • Fit-3 ta’ Awwissu 1999 huwa nħatar  Arċisqof Titulari ta’ Tronto u Nunzju Appostoliku tal-Kongo u Gabon. Fis-16 ta’ Ottubru 1999 kien ordnat Isqof.

      Fil-31 ta’ Lulju 2004 nħatar Nunzju tal-Kosta tal-Ivorju u Burkina Faso u fit-8 ta’ Settembru tal-2004 nħatar ukoll Nunzju ta’ Niġer.

      Fl-14 ta’ Frar 2008 nħatar Nunzju ta’ Croatia. Fl-10 ta Marzu 2012 nħatar Nunzju tal-Afrika t’Isfel, Botswana, Lesotho, Nambja u Sważiland.

      L-Arcisqof Cassari jaf jitkellem bit-Taljan, Franċiż, Spanjol u Ingliż.

  • Mons Cassari, bħala r-rappreżentant tal-Papa, għandu r-responsabiltà li jirrappreżentah b’mod stabbli għall-Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll għall-Istat Malti. Huwa wkoll id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għar-Repubblika ta’ Malta. Id-dmir tiegħu huwa li jkun ta’ għajnuna għall-Isqfijiet, isaħħaħ l-għaqda mas-Sede Appostolika, imexxi ‘l quddiem ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Awtoritajiet tal-Istat, kif ukoll jieħu ħsieb materji u ftehim li għandhom x’jaqsmu bejn Knisja u Stat.