• Għeżież,

    Qed niktbilkom din l-ittra qasira qabel nitlaq lejn Ruma għas-Sinodu. Għal dawn it-tliet ġimgħat li ġejjin, ser inkun ma’ għadd ta’ isqfijiet mid-dinja kollha biex, flimkien mal-Papa Franġisku, nistħarrġu x’inhu jgħid l-Ispirtu s-Santu lill-Knisja dwar is-sejħa u l-missjoni tal-familja llum. Hemm ħafna stennija dwar x’ser ikun ir-riżultat ta’ dan is-Sinodu. Jien konvint li mhux biss il-familji huma ħerqana biex jixorbu “inbid ġdid”, imma Alla wkoll jixtieq jarana aktar miftuħin għat-tnebbiħ tiegħu. Inħoss li Ġesù jixtieq li l-Knisja tiegħu tkun bħal dak il-kittieb imgħallem tal-liġi li jsir dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet u “mill-ħażna tiegħu joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim” (Mt 13:52). Ix-xewqa tiegħi hija li, kif seħħ fi tmiem il-Konċilju ta’ Ġerusalemm li sar fis-sena 49 wara Kristu, il-konklużjonijiet tas-Sinodu ma jgħabbu “b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ” u li jagħtu l-ferħ tal-faraġ lill-poplu ta’ Alla (ara Atti 15:28,31).

    Għal darb’oħra nitlobkom takkumpanjawna bit-talb ħerqan tagħkom lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, il-missier tal-familja ta’ Nazaret, li taħt il-ħarsien tiegħu nixtieq inpoġġi s-sehem tiegħi f’dan is-Sinodu.

    Għalhekk, barra t-talb li nixtieq li jsir kuljum fil-knejjes u fid-djar tar-Reliġjużi, nappella lill-familji kollha, ebda familja eskluża, biex jitolbu r-Rużarju flimkien. Xieraq ukoll li nsieħbu lit-tfal f’dan it-talb, u għalhekk nagħmel sejħa lill-iskejjel, partikolarment l-iskejjel tal-Knisja, u liċ-Ċentri tad-duttrina biex jgħinu lit-tfal jitolbu għal dan il-għan. Fuq kollox, nagħmel stedina speċjali lill-morda u lil dawk li għaddejjin minn mumenti iebsin tal-ħajja biex joffru t-tbatija tagħhom għas-suċċess tas-Sinodu. Napprezza għalhekk li s-saċerdoti li jkunu fl-isptarijiet u dawk li jqarbnu lill-morda fi djarhom biex fil-kuntatt tagħhom ma’ dawn ħutna morda jfakkruhom f’din l-għajnuna spiritwali li jistgħu joffru.

    Itolbu għalija.

    Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, fil-bidu tax-xahar tar-Rużarju, illum, il-Ħamis 1 ta’ Ottubru 2015, Tifkira ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.

    ✝ Mario Grech

       Isqof ta’ Għawdex